Il-Jarhead Young Sailors Foundations ħabbret l-ekwipaġġi tagħha għall-46 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, li se tibda s-Sibt 18 ta’ Ottubru.
Organizzata mir-Royal Malta Yacht Club, din it-tellieqa ikonika ta’ 606 mil nawtiku hija waħda mill-aktar sfidi offshore impejnjattivi fid-dinja, li tibda u tispiċċa f’Malta. L-ekwipaġġi jiffaċċjaw kundizzjonijiet diffiċli li hu mgħaruf għalihom l-Mediterran — iżda l-baħħara tal-Fondazzjoni, li se jkunu fuq il-jottijiet J/109 Jarhead u JYS Jan, huma ippreparati biex jiffaċċjawhom.
Wara t-tnedija tal-branding il-ġdid ta’ JYS Jan — ftit ġimgħat biss wara r-rebranding ta’ Jarhead — il-Fondazzjoni ħabbret ll-ismijiet tal-ekwipaġġi u nediet ukoll il-kits il-ġodda tagħhom. Ir-rebranding sar bl-appoġġ ta’ MMH Ltd, filwaqt li Camilleri Marine ipprovdew il-kits tekniċi. Il-Melita Foundation appoġġjat ukoll it-tnedija ta’ spinnaker ġdid għal JYS Jan.
Għal din is-sena, iż-żewġ jottijiet tal-Fondazzjoni se jkollhom struttura differenti. Filwaqt li s-sena l-oħra l-ekwipaġġi kienu maqsuma skont il-ġeneru, din id-darba l-esperjenza tat-timijiet huma mħallta. Jarhead se jkollha ekwipaġġ aktar esperjenzat, fejn kollha diġà pparteċipaw f’mill-inqas tellieqa waħda tar-Rolex Middle Sea Race, filwaqt li JYS Jan se tilqa’ numru ta’ baħħara b’inqas esperjenza — opportunità siewja għalihom biex jitgħallmu u jikbru permezz ta’waħda mit-tlielaq offshore l-aktar prestiġjużi fid-dinja.
“L-ibburdjar offshore sar parti importanti minn ħajti,” qal Gary Mercieca, li se jkun ko-skipper ta’ Jarhead flimkien mal-benefattur u fundatur tal-Fondazzjoni, Gregory Nasmyth. “L-għanijiet tagħna huma dejjem li naslu lura qawwijin u sħaħ, nitgħallmu u nirnexxu fit-tellieqa — f’dik l-ordni. Il-Fondazzjoni tipparteċipa f’din it-tellieqa biex tgħallem l-ibburjdar offshore u tagħti liż-żgħażagħ il-ħiliet li għandhom bżonn biex isiru baħħara b’kapaċitajiet tajbin.”
Għalkemm xi wħud mill-ekwipaġġi għandhom inqas esperjenza minn oħrajn, il-Fondazzjoni xorta rnexxielha tikseb riżultati sinifikanti f’edizzjonijiet preċedenti tat-tellieqa, b’mod partikolari meta rebħet l-Italian Ambassador’s Trophy for Sportsmanship is-sena li għaddiet.
It-trofew ngħata lil Jarhead, taħt il-kmand ta’ Gary Mercieca, u lil JYS Jan, taħt il-kmand ta’ Claudio Bugeja, bħala rikonoxximent għall-ispirtu u ħidma bħala tim, il-perseveranza u l-appoġġ reċiproku tagħhom matul it-tellieqa. L-iżgħar membri tal-ekwipaġġ dak iż-żmien kienu Pippa Bartolo Parnis (15) fuq Jarhead u Luca Schembri Meli (14) fuq JYS Jan — iż-żewġ baħħara se jerġgħu jieħdu sehem din is-sena.
Il-kaptan ta’ JYS Jan, Claudio Bugeja, żied jgħid: “Ir-Rolex Middle Sea Race hija l-akbar sfida għall-baħrin żgħażagħ tagħna. Kull membru tal-ekwipaġġ, jaf li din mhijiex vjaġġ ta’ divertiment imma sfida reali. L-iktar ħaġa importanti hija li jiksbu esperjenza ta’ tagħlim u jkomplu jiżviluppaw f’baħħara kapaċi u kunfidenti.”
Ekwipaġġi tal- Jarhead Young Sailors Foundation
JYS Jan
Claudio Bugeja (Skipper), Angelique Abela, Pippa Bartolo Parnis, Jean Pierre Grech, Amber Haynes, Dimitri Paschalidis, Nathaniel Raute, Luca Schembri Meli u Naeema Vella.
Team Jarhead
Gary Mercieca (Skipper) , Gregory Nasmyth, Clara Farrugia, Roberta Farrugia, Matthew Grech, Jake Mallia, Luke Portelli u Chiara Scerri Herrera.
Permezz ta’ taħriġ matul is-sena kollha u tħejjija prattika, il-Fondazzjoni tkompli toffri opportunitajiet lil baħħara żgħażagħ biex jesperjenzaw d-dixxiplina tat-tlielaq offshore, filwaqt li tħarreġ l-ispirtu ta’ tim, ir-responsabbiltà u l-passjoni għall-baħar.
Bħala parti mit-tħejjijiet finali tagħhom, iż-żewġ ekwipaġġi tal-Fondazzjoni se jipparteċipaw ukoll fil-Yachting Malta Coastal Race, li se ssir nhar l-Erbgħa 15 ta’ Ottubru u li sservi bħala opportunità ideali ta’ taħriġ qabel il-bidu tar-Rolex Middle Sea Race.
Il-Fondazzjoni Jarhead Young Sailors hija appoġġjata minn MMH Malta Ltd., Camilleri Marine, Pharma.mt u Melita Foundation.
Il-Fondazzjoni tixtieq ukoll tirringrazzja lil Richard Geres’ Sky Visuals Drone Footage għall-footage tal-vidjo pprovdut waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-bastimenti tal-Fondazzjoni.