Sunday, June 15, 2025

Il-Jott Jubatus jirbaħ il-Marzamemi Regatta Trophy

Aqra wkoll

Ir-Regatta annwali tar-Royal Malta Yacht Club lejn Marzamemi seħħet iktar tard dan ix-xhar  b’tellieqa li kienet prova ta’ perseveranza u ħila tattika.

Irjieħ ħfief matul il-vjaġġ lejn Marzamemi għamlu bidu diffiċli, li rrikjeda bidliet frekwenti ta’qluħ u deċiżjonijiet strateġiċi mill-flotta. Dawn il-kundizzjonijiet irriżultaw f’bosta ekwipaġġi jirtiraw. Il-vjaġġ lura lejn Malta kien aktar tattiku, bil-flotta tfittex ir-riħ biex tasal lura Marsamxett.

Filwaqt li t-tellieqa lejn Marzamemi ntrebħet minn Ton Ton Laferla Insurance ta’ Jonathan Gambin u t-tellieqa lejn Malta minn Geisha ta’ Stefan Debattista, kien Jubatus ta’ Sean Borg li rebaħ it-trofew overall.  Jubatus kisbet żewġ it-tieni postijiet fuq ħin korrett kienu biżżejjed biex assiguraw lil Jubatus it-trofew.

Jubatus rebaħ ukoll l-“line honours” fiż-żewġ tappep. Minkejja li l-ekwipaġġ kien kompletament ġdid u kellhom ftit ħin biex jitħarrġu flimkien, xorta l-isforzi tagħhom wasslu għas-suċċess.

“Kellna diversi sfidi minħabba nuqqas ta’ esperjenza bħala tim, imma xorta wasalna l-ewwel fil-linja finali,” qal Borg. “Minkejja l-azzjoni kollha li kellna abbord, żammejna kollox taħt kontroll biex kellna tmiem il-ġimgħa ta’ suċċess f’Marzamemi.”

Fit-tieni post overall spiċċa il-jott tal- Jarhead Young Sailors Foundation – Jarhead — li kien immexxi minn Gary Mercieca. Mercieca kellu ekwipaġġ żagħżugħ, u ddeskriva l-ewwel tellieqa bħala waħda tattika ħafna”. It-tellieqa lura lejn Malta, żied jgħid, “kienet tellieqa teknika ħafna, sabiex tinżamm il-veloċità tal-jott matul il-vjaġġ kollu.”

Mario Sant, li kkompeta bil-jott Time Out, ukoll ikkummenta fuq il-kundizzjonijiet diffiċli. “It-tellieqa lejn Marzamemi kienet prova vera ta’ paċenzja u perseveranza. Imma l-aħjar parti kienet li tqatta’ tlett ijiem ma’ ħbieb tajbin u tkun kompetittiv kontra flotta żgħażugħa b’uċuħ ġodda.”

Fil-Klassi tal-Cruisers, Janissah ta’ Mario Debono għamlet comeback b’saħħita. “Wara li rtirajna mill-ewwel tellieqa minħabba nuqqas ta’ riħ, irnexxielna nidħlu lura b’wirja determinata u nirbħu l-Klassi tagħna.” It-tim kien magħmul minn taħlita ta’ baħħara b’esperjenza u oħrajn li kienu qed jieħdu sehem għall-ewwel darba.

Din is-sena r-regatta laqgħet bosta parteċipanti ġodda, b’timijiet ġodda li ħadu sehem għall-ewwel darba fejn wrew li b’ħidma bħala tim u dedikazzjoni tista’ tikseb riżultati tajbin.

Fost id-debuttanti kien hemm Mareamore³, jott li kien qed jikkompeti double handed minn Ugo Vinti u Federico Saccani. Għalkemm kienu qed jbaħħru flimkien għall-ewwel darba huma rebħu l-Klassi RMYC Cruisers.  “Ma stajniex nittamaw għal debut aħjar. Ir-regatta kienet organizzata tajjeb ħafna u l-atmosfera amikevoli bejn l-ekwipaġġi għamlet l-esperjenza memorabbli,” qal Vinti.

Serata ta’ premjazzjoni saret ġewwa r-Royal Malta Yacht Club, fejn il-Commodore Mark Napier u r-Rear Commodore (Sailing) Adrian Gauci Borda ppreżentaw il-premjijiet.

Gauci Borda enfasizza l-parteċipazzjoni b’saħħita u nnota l-bilanċ inkoraġġanti bejn dgħajjes kompetittivi u dawk tal-klassi cruising.

L-avveniment li jmiss fil-kalendarju tal-Club huwa s-Serie tat-Twilight Pursuit Races, li tibni fuq il-format popolari tat-Twilight Race u tintroduċi l-element tat-tellieqa differenti. Is-serje tibda nhar l-Erbgħa 18 ta’ Ġunju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport