L-ewwel edizzjoni tal-Cannes to Malta Race intemmet b’mod memorabbli meta l-jott ta’ Charlotte Rousselot, Valiant, spiċċa t-tellieqa, bi prestazzjoni li se tintiżżel fl-annali ta’ din l-isfida offshore ġdida, waqt li stabbilixxa l-ewwel ħin ta’ referenza għall-edizzjonijiet futuri.
Il-korsa ta’ 606 mil nawtiku minn Cannes sa Malta offriet prova ta’ ħila u determinazzjoni. Fi kliem Rousselot: “il-kundizzjonijiet kienu ta’ riħ ħafif u irregolari matul it-triq kollha, u dan għamel l-ippjanar tattiku diffiċli ħafna. Kif kien mistenni, l-Istrett ta’ Bonifacio, offra taqlib fil-kundizzjonijiet tat-temp, b’kurrenti qawwija u diversi ostakli ta’ navigazzjoni li żiedu mal-kumplessità tal-vjaġġ.”
Rousselot u t-tim tagħha abbord Valiant urew perseveranza u ħila marittima ta’ livell għoli, u dan kient ta’ “sodisfazzjon kbir li nasal Malta wara vjaġġ daqshekk impenjattiv. Din kienet tellieqa offshore fl-aktar forma pura tagħha.”
Valiant għandha storja impressjonanti: ikkompetiet fl-Admiral’s Cup u ilha assoċjata ma’ kompetizzjonijiet ta’ livell għoli. Issa li temmet it-tellieqa b’mod eċċellenti, Rousselot u l-ekwipaġġ tagħha stabbilew l-ewwel rekord tat-tellieqa Cannes għal Malta – rekord li l-edizzjonijiet futuri se jfittxu li jegħlbu.
Il-Cannes to Malta Race ġiet organizzata flimkien mir-Royal Malta Yacht Club (RMYC) u l-Yacht Club de Cannes, u hi maħsuba bħala tellieqa ta’ tħejjija għall-jottijiet li sejrin Malta biex jipparteċipaw fir-Rolex Middle Sea Race. It-tellieqa toffri opportunità ideali biex l-ekwipaġġi jħejju l-jottijiet tagħhom waqt li jgawdu minn sfida kompetittiva li tgħaqqad żewġ portijiet ikoniċi tal-Mediterran.
Il-Commodore tar-Royal Malta Yacht Club Mark Napier u l-Commodore tal-Yacht Club de Cannes Jean-François Cutugno esprimew is-soddisfazzjon tagħhom li jaraw dan il-kunċett ta’ tellieqa jitwettaq b’suċċess.
“Din it-tellieqa tirrappreżenta kapitlu ġdid u eċċitanti fl-ibburdjar offshore fil-Mediterran,” qal Napier. “Din hija bidu ta’ avventura ġdida bejn Cannes u Malta, li ser tgħaqqad iktar baħħara u twitti t-triq għar-Rolex Middle Sea Race.”
“Huwa ta’pjaċir li naraw it-tiswir tal-kollaborazzjoni bejn il-Clubs tagħna,” żied Cutugno. “Din hija l-bidu ta’ avventura ġdida u promettenti – waħda li aħna kunfidenti li se tattira aktar parteċipanti fis-snin li ġejjin.”
Hekk kif il-Valiant stabbiliet l-ewwel rekord uffiċjali, iż-żewġ Clubs jittamaw li din l-ewwel edizzjoni tkun il-bidu ta’ tkabbir li jħeġġeġ parteċipazzjoni internazzjonali akbar fis-snin li ġejjin.
It-tellieqa ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-Mediterran bħala destinazzjoni ewlenija tal-ibburdjar, u tkompli tenfasizza s-sħubija dejjiema bejn ir-Royal Malta Yacht Club u l-Yacht Club de Cannes.
“Bħala 20Twenty DMC, kburin li tajna l-appoġġ tagħna lill-ewwel edizzjoni tal- Cannes-Malta Race. Din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu tagħna biex intejbu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni u nuru lil Malta bħala l-qofol ta’ x’tista tkun esperjenza Mediterranja.” qalet Michela Mifsud, Managing Director ta’ 20Twenty DMC by Mifsud Brothers Ltd
Ir-Royal Malta Yacht Club u l-Yacht Club de Cannes wrew l-apprezzament tagħhom lejn 20Twenty bħala sponsor ewlienu, kif ukoll l-appoġġ ewlieni minn Visit Malta u appoġġ addizzjonali minn Yachting Malta Ltd u Camilleri Marine.
It-tħejjijet għall-edizzjoni tal-2026 diġà bdew, u din se tibda fil-5 ta’ Ottubru, biż-żewġ Clubs ħerqana li jibnu fuq dan id-debutt. L-edizzjonijiet futuri huma maħsuba biex jattiraw flotta internazzjonali akbar, u joffru lill-baħħara sfida oħra eċċitanti qabel ir-Rolex Middle Sea Race.

