Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-judo?
L-imħabba tiegħi lejn il-judo ġiet mingħand missieri, li kien l-ewwel kowċ tiegħi u għadu jħarriġni sa llum. Dejjem appoġġjani u urieni kemm l-arti kif ukoll ix-xjenza u s-sbuħija ta’ dan l-isport.
X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?
Matul il-karriera tiegħi, irbaħt diversi unuri importanti kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali. Irbaħt il-bronż fil-Commonwealth Games tal-2022, id-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2023, u d-deheb fil-Commonwealth Championships tal-2024. Barra minn hekk, ksibt id-deheb fil-Championships tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2022 u fl-2024, kif ukoll tliet midalji tal-bronż u waħda tal-fidda f’Continental Opens. Wasalt fis-16-il post fil-World Championships u kelli l-unur li nirrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi tal-2024. Kull kompetizzjoni li ħadt sehem fiha kienet esperjenza ta’ tagħlim li għenitni nikber bħala atleta u ntejjeb il-ħiliet tiegħi fil-judo.
Matul l-aħħar jiem, ksibt suċċess partikolari barra minn xtutna. Agħtina iktar dettalji.
Matul l-aħħar żewġ weekends, ħadt sehem f’żewġ Opens Kontinentali, fejn ikkompetejt kontra atleti minn madwar id-dinja, fosthom Franza, il-Kanada, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, it-Tuneżija, il-Marokk, u l-Alġerija, biex insemmu xi ftit. Minkejja li tħabatt ma’ injury serja f’sieqi, spiċċajt fil-ħames post fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u fit-tieni post fi tmiem il-ġimgħa. Fil-finali – partita iebsa ta’ 7.5 minuti – tlift għal skor pjuttost suġġettiv, anke wara li ġarrabt injury żgħira oħra matul is-semi-finali. Matul dan kollu, kont akkumpanjata mill-kowċ u missieri, Ivan Esposito, li appoġġjani f’kull pass tat-triq.
Kif tqis il-livell tal-judo f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin? U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-livell tal-judo f’Malta dejjem jinbidel, b’perjodi ta’ parteċipazzjoni għolja u oħrajn inqas attivi. Wara l-pandemija tal-COVID, tlifna numru ta’ atleti, iżda bħalissa qed nerġgħu nikbru, u hemm żgħażagħ talentużi li qed jersqu ’l quddiem. Għandna riżorsi mill-aqwa li, jekk jintużaw b’mod effettiv, jistgħu jwasslu għal progress kbir grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), SportMalta, il-Federazzjoni Maltija tal-Judo (MJF) u l-klabbs. Għalkemm atleti professjonali għadhom mira ’l bogħod, il-fondi li jiġu pprovduti huma ta’ għajnuna kbira għall-iżvilupp tal-isport.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-judo?
Il-futur tiegħi fil-judo narah bħala sfida eċċitanti. Nixtieq inkompli nikkompeti u nirrapreżenta lil Malta f’aktar avvenimenti internazzjonali, kif ukoll nagħti sehmi biex inkomplu ntejbu l-livell tal-judo f’pajjiżna. Jien determinat li nibqa’ naħdem fuq it-titjib personali tiegħi u nħeġġeġ aktar nies biex jiskopru dan l-isport sabiħ.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-judo.
Mhux dejjem se tirnexxi, u fil-judo, jista’ jkun iktar diffiċli li tara l-progress tiegħek f’perjodu qasir. Madankollu, dan huwa sport mill-isbaħ li jgħallem dixxiplina u jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp mentali kif ukoll għal dak fiżiku. Dak li titgħallem fil-judo jkun ta’ valur fil-ħajja tiegħek, speċjalment f’termini ta’ dixxiplina, lealtà, rispett, kuraġġ, unur, u tħejjija fiżika. Jekk ikollok ir-rieda, tista’ anki tgħaqqad il-judo ma’ karriera oħra fi ‘dual career’.