Biex ifakkar il-Jum Dinji tal-Ambjent, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika organizza attività speċjali għall-istudenti tat-tielet sena tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Qormi f’Wied Inċita, Ħ’Attard.
L-attività kienet maħsuba biex tipprovdi opportunità lill-istudenti sabiex jintegraw man-natura filwaqt li jitgħallmu dwar it-tema ta’ din is-sena – it-tniġġis tal-plastik – b’mod interattiv. Iż-żona ekoloġika, li tkopri 20,000 metru kwadru, li dan l-aħħar ġiet inawgurata bħala spazju pubbliku minn Ambjent Malta, ospitat serje ta’ attivitajiet u logħob edukattiv organizzati minn entitajiet u direttorati fi ħdan il-Ministeru, fosthom Saving Our Blue, id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Circular Economy Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Project Green, Ambjent Malta u WasteServ.
L-istudenti kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu mal-mascot Xummiemu u pparteċipaw f’workshop li fih ħolqu tajr magħmul minn karta riċiklata. Biex jiċċelebraw dan il-jum, it-tfal ippreżentaw ukoll xogħol tal-idejn magħmul minn materjal riċiklat, li permezz tiegħu, ġew promossi il-valur tas-sostenibbiltà u l-użu kreattiv tar-riżorsi.
Matul din l-attività t-tfal ħawlu wkoll fjuri bħala simbolu tar-rwol tagħhom fl-isforzi favur l-ambjent. Barra minn hekk, tħawlet siġra kommemorattiva bħala tifkira li kull wieħed u waħda minna għandu s-saħħa li jħalli impatt pożittiv.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, qalet, “Avvenimenti bħal dawn jirriflettu d-dedikazzjoni ta’ bosta organizzazzjonijiet u individwi impenjati sabiex jipproteġu l-ambjent tagħna. Il-Jum Dinji tal-Ambjent huwa okkażjoni importanti għall-Ministeru tagħna u huwa opportunità sabiex niċċelebraw il-progress li nkiseb, filwaqt li nagħrfu l-ħidma li għad trid issir. Ninkoraġġixxi lill-pubbliku sabiex jagħmel użu sħiħ mill-ispazji miftuħa tagħna u jgawdihom flimkien mal-għeżież tagħhom. Nisħaq ukoll dwar l-importanza tat-tagħlim barra mill-klassi, u nappoġġja bis-sħiħ inizjattivi li jħeġġu lit-tfal sabiex jesploraw u japprezzaw is-sbuħija naturali tal-parks u l-ġonna madwar il-gżejjer tagħna.”
Il-pubbliku hu mħeġġeġ isegwi l-paġna ta’ Sostenibilitàfuq il-midja soċjali għal aktar attivitajiet u informazzjoni dwar spazji miftuħa.