Wednesday, April 16, 2025

Il-Jum L-Erbgħa tat-Tniebri

Aqra wkoll

Il-jum tal-Erbgħa tat-Tniebri huwa ż-żmien li fih il-Knisja Kattolika tidħol fil-perjodu tad-dlam għaliex tfakkar meta Ġesù Kristu kien beda jipprepara għal dak li kellu jgħaddi minnu, jiġifieri l-Passjoni u l-Mewt tiegħu fuq l-għuda tas-Salib. Infatti il-ġabra tat-talb li issir matul din il-funzjoni hija magħrufa bħala n-notturn li jfakkar din il-ġrajja ta’ niket ta’ Sidna Ġesù Kristu qabel il-passjoni.

Il-Kelma Tniebri ġejja mit-Taljan “tenebre”, dlam. Dan ghaliex il-funzjoni kienet iddur kollha ma’ gandilabru bi ħmistax il-xemgħa li kien jissejjaħ Barabba. Interessanti wieħed jistaqsi għaliex gandilabru bi ħmistax-il xemgħa dawn jissimbolizzaw lit-tnax-il Apposttlu ta’ Sidna Ġesù Kristu kif ukoll lil Maria ta’ Kleofa, Maria ta’ Magdala u tan-nofs tirrapreżenta lil Marija ta’ Nażaret Omm Ġesù, din tal-aħħar ma kienetx tintefa’ izda kienet tiddaħħal wara l-artal jew fis-sagristija li minnha f’Sibt il-Għid kien jinxtgħel il-Blandun.

Waqt il-funzjoni hija ta’ tradizzjoni li jixgħelu dan il-gandilabru b’xemgħat lewn kannella skur li jitpoġġa fuq il-presbiterju. Waqt il-qari tas-salmi jibdew jintfew ix-xemgħat waħda waħda; ġest li jirrapreżenta l-mument li l-Appostli bdew jabbandunaw lill-Kristu wieħed wieħed, fil-mument tat-talb fil-ġnien tal-Ġetsemani. In-nies, speċjalment it-tfal kien l-pjaċir tagħhom iħabbtu mas-siġġjiet u jsabbtu biex jissimbolizzaw t-terremot ta’ meta miet Kristu.

Illejla l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina flimkien mal-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù tar-Rabat ser ifakkru din it-tifkira ġewwa l-Knisja ta’ “Ta’ Ġieżu” tar-Rabat b’funżjoni tibda fis-6:30pm jingħata bidu għall-qari tas-Salmi bis-sehem ukoll tal-Kor.

Qabel fil-5:30pm tintalab il-Via Sagra u fis-6:00pm issir iċċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Huma mumenti ta’ grazzja u ġabra li ninġabru flimkien f’dawn il-jiem qaddisa kif ukoll fit-Tridu tal-Għid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport