Tuesday, December 24, 2024

Il-Kabinett approva bidliet biex il-kunċett ta’ femiċidju jiddaħħal fil-Kodiċi Kriminali

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru ħabbar li l-Kabinett approva bidliet biex tissaħħaħ il-ġlieda tagħna fejn tidħol vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u biex  il-kunċett ta’ femiċidju jiġi introdott fil-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna.

Huwa ħabbar dan illum wara nofsinhar fejn permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali huwa attribwixxa dan għal djalogu li f’dawn l-aħħar ġimgħat kellu mas-soċjetà ċivili.

“Filwaqt li nagħtu iktar dettalji fil-jiem li ġejjin, qed inħarsu ‘l quddiem biex il-proċess parlamentari jibda mill-aktar fis,” qal il-Prim Ministru.

Fl-aħħar ġimgħat bosta kienu dawk l-organizzazjonijiet, fosthom il-Malta Women’s Lobby, fejn saħqu li jemmnu li wasal iż-żmien li tinbidel il-liġi Maltija dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika u li tħaddan id-definizzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

Fost l-oħrajn, fl-isfond tal-qtil ta’ Paulina Dembska, l-organizzazzjoni emPOWer qalet li dan il-qtil għandu jitqies bħala femiċidju u dan it-terminu għandu jsib postu fil-liġi Maltija.

Il-qtil ta’ Dembska qajjem ħafna diskussjonijiet u mistoqsijiet b’mod speċjali meta l-akkużi fil-Qorti ppreżentati mill-Pulizija ma sarux fuq femiċidju, iżda omiċidju.

Ekonomija

Sport