Saturday, December 21, 2024

IL-KALKOLI ŻBALJATI TA’ PUTIN

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat kompliet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, kunflitt li għalkemm kien mistenni b’mod partikolari intervent fir-reġjun Donbas, żgur li ma kienx previst il-mod kif żviluppa sa issa dan il-kunflitt, b’mod partikolari ir-reżistenza li ffaċċjaw it-truppi Russi u l-imwiet ta’ suldati li ġarrbu l-istess Russi kawża tar-reżistenza li ffaċċjaw. Ma’ dan kellek fatturi oħra, fosthom oppożizzjoni mill-poplu Russu għal din il-gwerra fuq l-Ukrajna.

Issa li din il-gwerra daħlet fir-raba’ jum tagħha, kollox qed jindika li l-President Vladimir Putin iddeċieda din l-operazzjoni offensiva abbażi ta’ ideoloġija aktar minn kalkoli realistiċi. Nemmnu li dan se jkun qed juri kemm Putin kien żbaljat f’dak li wettaq. Nemmnu ukoll li din l-offensiva hi wieħed mill-akbar żbalji lli seħħew fi żmienna.

Il-mod kif seħħet l-offensiva, b’invażjoni minn diversi bnadi u b’attakki mal-Ukrajna kollha, jindika biċ-ċar li r-Russja kienet qed tippjana u pprevediet li l-Ukrajna kienet se ċċedi fi żmien qasir. Fil-fatt dan hu wieħed mill-kalkoli żbaljati ta’ Putin. Mhux talli ma seħħx dak previst, talli l-forzi Russi iltaqgħu ma reżistenza qawwija fuq l-art. 

Ir-Russja kellha l-vantaġġ tas-superjorità fl-ajru, imma din ma kinitx biżżejjed. Hu minnu li l-invażjoni seħħet b’mod mgħaġġel fl-ewwel sigħat, iżda imbagħad l-istess invażjoni iltaqgħet ma’ reżistenza fl-ibliet. Belt li offriet reżistenza qawwija kienet dik ta’ Kharkiv. 

Jidher li Putin u l-esperti tiegħu ftit li xejn taw importanza lill-ispirtu ta’ reżistenza tal-armata Ukrajna u tal-impenn tal-poplu Ukren li akkost ta’ kollox jaqbad l-armi biex jiddefendi lil pajjiżu. 

Forsi r-Russi ma tawx importanza lil dan, għax dejjem qisu li l-Ukrajna ma kinitx Stat reali imma wieħed maħluq b’mod artifiċjali.  Ir-realtà hi ferm ‘il bogħod minn dak li ħaseb Putin u ta’ madwaru.

Kalkolu ieħor żbaljat u li nemmnu li se jkollu riperkussjonijiet fil-futur hu dak marbut mal-appoġġ għal din il-gwerra mill-poplu Russu. Hawn jidher li Putin u ta’ madwar kienu żbaljati kompletament. Fil-fatt l-opinjoni pubblika fir-Russja ma tidhirx li qed tagħti appoġġ li din il-gwerra, anzi rajna għadd ta’ protesti inkluż f’San Pietruburgu, il-post tat-twelid ta’ Putin. Ovvjament, issa bis-sanzjonijiet imħabbrin, l-iskuntentizza tal-poplu u n-negozji mistennija tiżdied.

Kalkolu ieħor żbaljat mill-istess Putin u dawk li ppjanaw l-invażjoni kienet dik marbuta mal-kapaċitajiet superjuri tal-armata Russa. Minkejja investiment li sar matul is-snin f’tagħmir ġdid, il-manutenzjoni li l-istess tagħmir għandu bżonn jidher li ma kienx mixtieq. Jidher ukoll li anki l-moral fost is-suldati Russi mhux wieħed għoli.

Nemmnu li din l-invażjoni fil-futur qrib se tkun qed turi l-iżball kbir li għamel Putin. Żball, li uża l-kwistjoni tal-espansjoni tan-NATO  bħala paraventu biex jinvadi l-Ukrajna. Invażjoni, li sa issa ġagħlitu jiffaċċja reżistenza li ma stenniex u li fuq kollox żiditlu l-oppożizzjoni f’pajjiżu stess.

Ekonomija

Sport