Magħruf għall-kwiet li joffri. Għas-serenità. Għall-ġabra. Post li tmur fih u tista’ timmedita għal kwiet qalb l-għana tal-għasafar, u l-ambjent naturali li joffru l-post. Dan hu l-Laboratorju tal-Paċi. Post li minkejja l-funzjoni li għandu u l-kwiet li joffri, proprju fl-aħħar jiem dan il-post ukoll jidher li qed jiffaċċja sitwazzjoni xejn feliċi.
F’daqqa waħda il-kwiet u s-serenità ta’ dan il-post jinsabu taħt theddida. Theddida li ġejja minn binja fil-qrib li għal raġunijiet li għadhom mhux stabbiliti fl-aħħar jiem f’dan il-post għal sigħat twal beda ġej storbju minn mużika qawwija. Il-mużika mhux biss tellfet is-serenità tal-post imma anke affettwat il-funzjonijiet reliġjużi fil-Laboratorju tal-Paċi.
Fuq kollox fil-post hemm persuni vulnerabbli jgħixu li għandhom ukoll id-dritt tal-mistrieħ. Wieħed jifhem li jista’ kun hemm funzjonijiet ta’ mużika f’post fil-qrib, imma żgur li ma nistgħux nifhmu kif din il-mużika tkun tant qawwija li tispiċċa taffettwa l-funzjonijiet.
Nittamaw li s-serenità tal-Laboratorju tal-Paċi ma tiġix mittiefsa. Il-funzjoni u l-missjoni ta’ dan il-post, hi bil-wisq aktar importanti minn mużika sfrenata f’attività kummerċjali ta’ post fil-qrib. Wieħed jittama li l-awtoritajiet jaraw li dak li ġara ftit jiem ilu ma jerġgħax jirrepeti ruħu.
IT-TORĊA se tkun qiegħda ssegwi dak li għaddej u mhux se tieqaf titkellem u tiġbed l-attenzjoni biex tinżamm is-serenità f’dan il-post.
Patri Djonisju Mintoff, fl-1971, ħa wieħed mill-hangars tal-Air Force Ingliżi biex jagħmlu Ċentru ta’ Ħidma Pastorali favur il-Paċi u semmieh għall-Papa Ġwanni XXIII. Aktar tard, fil-post inbena kumpless ġdid li beda jissejjaħ Laboratorju tal-Paċi.
Proprju sena ilu il-Laboratorju tal-Paċi espanda ruħu għal Laboratorju Globali tal-Paċi u fetaħ fergħa f’The Hague, l-Olanda.
It-tnedija ta’ dan il-Laboratorju tal-Paċi kienet saret fl-Università ta’ Leiden, l-eqdem università fl-Olanda, b’Patri Dijonisju għamel taħdita dwar x’wieħed għandu jagħmel biex jikseb il-paċi. Hu kien zal li t-twaqqif tal-Laboratorju Globali tal-Paċi kien meħtieġ biex isostni fuq tliet pedamenti: l-edukazzjoni għall-paċi, id-djalogu għall-paċi u l-formulazzjoni ta’ soluzzjonijiet kreattivi u prattiċi għall-kunflitti.