F’San Ġiljan ix-xogħol huwa avvanzat u huwa maħsub li l-cameras ta’ Paceville jibdew jitwaħħlu fil-ġimgħat li ġejjin bil-proġett tal-moniteraġġ f’din il-lokalità pjanat li jkun lest u jopera fl-intier tiegħu fix-xhur li ġejjin. Diġà sar ukoll xi xogħol infrastrutturali preparatorju. Dan filwaqt li jkompli x-xogħol fuq il-lokalitajiet l-oħra.
Dan iddikjarah il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fil-Parlament meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg. Buttigieg saqsa lill-Ministru Camilleri dwar il-fatt lil-Aġenzija LESA ser tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż bl-użu ta’ cameras imqabbdin mal-control room tal-aġenzija u l-Korp tal-Pulizija, sabiex iservu mhux biss ta’ deterrent iżda wkoll ta’ azzjoni kontra l-abbuż u l-azzjonijiet kriminali.
Il-Ministru tal-Intern irrimarka li jinsab infurmat li fl-aħħar xhur sar ix-xogħol preparatorju biex dan il-proġett jiġi implimentat. Fost dan, semma’ laqgħat ma’ stakeholders mil-lokalitajiet imsemmija, biex wara dawn il-laqgħat kienu mfassla d-dettalji tal-proġett u r-rekwiżiti b’rabta mas-sejħiet għall-offerti.
Qal ukoll li fix-xhur li għaddew ġew konklużi wkoll il-kuntratti mal-fornituri tas-servizzi involuti u fil-preżent għaddej ix-xogħol meħtieġ fil-bini tal-aġenzija fejn qed issir control room ġdida li ser sservi għal dan il-għan.
Tenna li sar ukoll x-xogħol meħtieġ b’rabta mat-tħejjija tar-riżorsa umana li jkollok bżonn biex proġett bħal dan jaħdem b’mod effettiv.