Friday, November 22, 2024

Il-Kamerun milqut minn frodi tal-etajiet tal-players

Aqra wkoll

Il-Kamerun intlaqat minn skandlu ġdid ta’ frodi dwar l-età wara li 21 membru tal-iskwadra tagħhom ta’ taħt is-17-il sena ġew skwalifikati minħabba din il-kwistjoni.

Fis-sajf li għadda,  l-FA tal-Kamerun sejħet 44 player minn tmien clubs differenti għal smigħ dwar allegat qerq tal-età jew tal-identità, bil-president Samuel Eto’o ħerqan li jeqred il-problema ta’ dan il-pajjiż tal-Afrika Ċentrali.

Madankollu, Eto’o ġie ffaċċjat bi problema oħra fit-tentattiv li jsolvi din il-kriżi tal-frodi tal-età tagħhom wara li l-maġġoranza tal-players magħżula għat-tournament UNIFACC ta’ din is-sena ta’ Taħt is-17-il sena, ġew skwalifikati wara li fallew testijiet tal-MRI.

Stqarrija mill-FA tal-Kamerun kienet tgħid: “Il-Federazzjoni tal-Football tal-Kamerun tinforma lill-opinjoni pubblika li bħala parti mit-tħejjijiet għat-tournament UNIFFAC Limbe 2023, validu għall-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat tan-Nazzjonijiet Afrikani ta’ Taħt is-17-il sena li jmiss, 21 player mit-30 li bħalissa qed jitħarrġu mal-iskwadra, fallew it-testijiet tal-MRI.

“Dawn tneħħew mill-grupp b’mod immedjat fejn ġew ukoll sostitwiti mill-ewwel.  

“Din l-azzjoni hija r-riżultat ta’ struzzjonijiet stretti mogħtija mill-president ta’ FECAFOOT li jaġixxi taħt il-mandat tal-COMEX, sabiex itemm it-tbagħbis tar-rekords tal-istat ċivili li, fil-passat, tappan l-imaġini tal-football tal-Kamerun. 

“Il-FECAFOOT tħeġġeġ lil dawk kollha involuti, b’mod partikolari lill-edukaturi, biex jiżguraw li l-etajiet skont il-kategorija jiġu rispettati.”

Riċentement, il-Kamerun ġew ikkritikati talli żammew il-lista ta’ players magħżula ta’ Taħt l-20 u dik ta’ Taħt is-17-il sena.

Qed jingħad ukoll li huma mħassba dwar l-iskwadra tagħhom għall-Kampjonati tan-Nazzjonijiet Afrikani ta’ din is-sena, b’lista uffiċjali ta’ players għadha mhix pubblika qabel il-logħba inawgurali tagħhom fis-16 ta’ Jannar.

Il-frodi tal-età għadha tiddomina tħassib kbir fil-football Afrikan, b’ħafna mis-suċċessi internazzjonali tagħhom fil-livell taż-żgħażagħ jibqgħu mhumiex ċari minħabba allegazzjonijiet ta’ players li jkunu ikbar fl-etá.

Sport