Friday, November 15, 2024

Il-Kampjonat BOV tal-Waterpolo se jibda fis-7 ta’ Ġunju

Aqra wkoll

Il-Kampjonat Nazzjonali BOV tal-Waterpolo se jibda fis-7 ta’ Ġunju, kompost minn 12-il team — l-akbar numru ta’ timijiet f’ħafna snin jikkompetu għall-unuri ewlenin. Dan tħabbar minn Joe Caruana Curran, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akkwatiku waqt konferenza stampa indirizzata wkoll minn Joseph Agius, Chief Technology Officer fi ħdan il-Bank of Valletta.

“Wara t-tfixkil ta’ dawn l-aħħar sentejn, qed nistennew bi ħġarna li jkollna l-partitarji tat-timijiet magħna sa mill-bidu nett tal-istaġun. Qed nittamaw ukoll li dan l-istaġun jkun l-aħħar wieħed mingħajr players barranin,” qal is-Sur Caruana Curran.

“L-istaġun jibda bir-round preliminari biex jiġu determinati liema timijiet jikkwalifikaw għall-Kampjonat BOV Premier jew dak tal-Ewwel Diviżjoni, bin-Knockouts jibdew wara r-round preliminari fil-5 ta’ Lulju, bil-finali tagħhom jintlagħbu fit-3 ta’ Awwissu. Il-kampjonati jispiċċaw f’finali playoff fuq bażi tal-aħjar minn tliet logħbiet, li se jintlagħbu bejn it-13 u l-20 ta’ Awwissu.

“Nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lill-Bank of Valletta tal-appoġġ tagħhom għall-15-il sena konsekuttiva, u wara l-kompetizzjonijiet interessanti li rajna matul il-kampjonati BOV tax-xitwa, biż-żewġ diviżjonijiet jeħtieġu decider, għandna nistennew staġun interessanti u kompetittiv ħafna,” temm jgħid il-president tal-ASA.

“L-isport jifforma parti integrali mill-investiment tal-Bank fil-komunità li jopera fiha bħala parti mill-impenji ESG tiegħu,” qal is-Sur Agius. “Matul dawn l-aħħar 15-il sena ta’ kollaborazzjoni tagħna mal-ASA, rajna titjib notevoli fil-livell tal-logħob li rriżulta wkoll li Malta kisbet riżultati pożittivi fix-xena internazzjonali.

“Nieħdu din l-opportunità biex nawguraw lit-timijiet parteċipanti kollha u nirringrazzjaw lill-kommunità kollha tal-waterpolo għall-appoġġ tagħhom lil din il-logħba.”

Ekonomija

Sport