Sunday, November 24, 2024

Il-kampjonat dinjie Voomquest Enemed UIM V2 jirritorna fl-ibħra Maltin

Aqra wkoll

Il-kampjonat tad-dinja Voomquest Enemed UIM V2 se jerġa’ lura fl-ibħra Maltin wara waqfa ta’ sentejn wara l-posponimenti tal-avvenimenti minħabba l-pandemija tal-Covid -19.

Il-kampjonat se jsir fi tmiem il-ġimgħa, 22 u 24 ta’ April f’San Pawl il-Baħar.

L-iskeda tal-avvenimenti se tibda bil-parata tal-powerboats li se titlaq mill-Marsa għada l-Ħamis fis-2.00 pm. Id-dgħajjes se jgħaddu minn Tas-Sliema, Baħar iċ-Cagħaq u Burmarrad qabel ma jmorru lejn il-pit ġewwa San Pawl il-Baħar. It-tlielaq jibdew il-Ġimgħa filgħodu, meta se jsir l-ittestjar. It-tlielaq jibdew wara nofsinhar.

Sitt timijiet se jkunu qed jieħdu sehem fil-Klassi V2 – El Diablo, Cutting Edge, Freccia Blu, Interceptor Remax, Team Marine Diffusion, Team MIPSS. It-timijiet se jkunu qed jirrappreżentaw tliet nazzjonijiet – Malta, l-Ingilterra u Franza. 

“Hemm ħafna stennija, mhux biss mis-sewwieqa, iżda wkoll mid-dilettanti li ilhom jistennew sentejn biex igawdu l-azzjoni li toffri l-Voomquest,” spjega Aaron Ciantar, il-fundatur tal-Voomquest.

“Li ma jkollokx kompetizzjonijiet għal sentejn ma kienx faċli speċjalment għat-timi­jiet iżda huma kollha ħerqana biex jerġa’ jingħata bidu, għalhekk ninsabu fiċ-ċert li fi tmiem il-ġimgħa se jkollna spettaklu mill-aqwa.”

Minbarra dgħajjes tal-Klassi V2, se jsiru sensiela ta’ tiġrijiet tal-Klassi Cyber, li kif huma magħrufa, hija klassi iżgħar iżda madankollu s-sewwieqa jeħtieġu ħiliet biex jagħtu wirja eċċitanti filwaqt li jżommu l-kontroll tad-dgħajsa b’veloċità għolja. Ħames timijiet Maltin huma skedati li jieħdu sehem f’din il-Klassi.

Il-Kampjonat Dinji Voomquest Enemed UIM V2 se jsir taħt l-awspiċi tal-korp governattiv Union Internationale Motonautique (UIM) u huwa appoġġjat mill-Enemed, Yachting Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Seaview Hotel, Chaudron Powerboats, Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Sport