Dawn l-aħħar ġranet urew kemm l-aċċessibbiltà tibqa’ fiċ-ċentru tal-preżent u l-futur ta’ Għawdex. Għal dan il-għan il-Kamra tħeġġeġ turi l-apprezzament tagħha għall-operat tal-ħaddiema tal-Gozo Channel, protezzjoni ċivili, pulizija, staff mediku, u uffiċjali pubbliċi oħrajn li minkejja l-kundizzjonijiet avversi tat-temp komplew bil-ħidma tagħhom biex jassiguraw li s-servizzi ta’ emerġenza jibqgħu jiġu offruti, filwaqt li ħarsu s-sigurtà ta’ kulħadd.
Dan kien il-messaġġ li wasslet il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, fejn irrimarkat li
din il-ġimgħa rat ukoll it-tnedija tat-Task Force li se tkun qed tiffoka fuq l-aċċessibbiltà tal-Port tal-Imġarr u fuq l-aċċessibbiltà ta’ Għawdex in ġenerali. Il-Kamra hija parti minn din it-Task Force u se tagħti l-kontribut tagħha kif meħtieġ.
Qalet ukoll; “Dan l-organu huwa importanti biex jiġi implimentat azzjonijiet importanti li għandhom jindirizzaw il-fatturi kritiċi tal-port tal-Imġarr, u biex jiżgura li x-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa biex jikkomplementaw l-espansjoni ppjanata fil-flotta tal-Gozo Channel, isiru”.
Żiedet tgħid li; “Madanakollu il-kundizzjonijiet avversi tat-temp urew ukoll id-dipendenza ta’ Għawdex fuq mezz ta’ trasport wieħed li ra lil Għawdex maqtuħ kompletament mill-bqija tad-dinja. Persuni sabu ruħhom imblukkati f’Malta jew f’Għawdex, u intilfu titjiriet u appuntamenti, minħabba li l-uniku mezz ta’ trasport li fuq niddependu ma setax jopera”
Il-Kamra għalhekk qed issejjaħ biex id-diskussjoni fuq il-permanent link terġa’ tiġi kkunsidrata. Il-Kamra kienet il-promotur ewlieni ta’ dan il-proġett u assigurat biex dan jiġi inkluż fl-aġenda politika tal-pajjiż. L-Lista Strateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, maħruġa fl-2023, kienet uret il-ħtieġa li dan il-proġett jerġa’ jiġi kkunsidrat.
Il-Kamra tinnota li proġett ma jeskludix lill-ieħor. L-espansjoni ppjanata fil-flotta tal-Gozo Channel, u l-proġett tal-permanent link jistgħu jikkomplementaw lil xulxin għax flimkien ikunu qed isaħħu r-reżiljenza tal-gżira.
Fis-snin reċenti l-ippjanar għal dan il-proġett kien mexa sew, u kien sar ħafna xogħol f’dan ir-rigward. Il-Kamra għalhekk temmen li dan is-suġġett għandu jiġi diskuss serjament u b’mod trasparenti, diskussjoni li għandha twassal biex ikollna Għawdex iktar reżiljenti.

