Tuesday, October 7, 2025

IL-KAMRA TAL-KUMMERĊ U L-BOV JINGĦAQDU FIL-ĠLIEDA KONTRA L-MEWĠA TA’ FRODI 

Aqra wkoll

Il-frodisti qed isiru dejjem aktar sofistikati, u qed jimmiraw mhux biss lill-individwi iżda wkoll lin-negozji ta’ kull daqs. Ir-realtà hija ċara: l-ebda kumpanija ma għandha immunità mill-attakki tagħhom.

Waħda mill-aktar theddidiet inkwetanti li qed jaffaċċjaw in-negozji llum hija dik li tissejjaħ Business Email Compromise (BEC). Dan huwa reat sieket iżda devastanti, għax il-frodist jidħol bejn persuni li jkunu qed jikkomunikaw b’email, u dan jista’ jirriżulta f’telf finanzjarju serju. 

Fl-2024 biss, il-Bank of Valletta rreġistra 23 każ ta’ BEC, li jammontaw għal €1.5 miljun fi flus misruqa mill-vittmi. L-inċidenza ta’ dan it-tip ta’ frodi żdied drastikament fl-ewwel sitt xhur tal-2025, u m’hemm l-ebda sinjal li se jkun hemm tnaqqis fir-ritmu. 

Bil-għan li jindirizzaw din it-theddida li kulma jmur qed tikber, il-Bank of Valletta u l-Kamra tal-Kummerċ ingħaqdu flimkien biex iwasslu sessjoni ta’ informazzjoni esklussiva u prattika, li pprovdiet lill-mexxejja ta’ negozji u lit-timijiet tagħhom bl-għodda meħtieġa biex jidentifikaw u jevitaw li jaqgħu vittma ta’ scams qabel ma jkun tard wisq. 

Fid-diskors tagħha fil-bidu tas-sessjoni, Dr Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, irrimarkat li waħda mill-proposti fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ din is-sena tiffoka speċifikament fuq l-appoġġ li għandhom jingħataw in-negozji biex ikollhom infrastruttura xierqa ta’ ċibersigurtà. “Aħna qed nipproponu appoġġ li jvarja minn stampa ċara tal-istat preżenti biex nifhmu x’livell ta’ investiment huwa meħtieġ bil-għan li jiġu stabbiliti protokolli u pjani ta’ rispons, ‘penetration testing’ u infrastruttura.

Dan l-appoġġ jista’ jingħata permezz ta’ taħlita ta’ krediti tat-taxxa, skemi ta’ vawċers li jkopru 80 % tal-infiq, u self b’rata ta’ imgħax qrib iż-żero, simili għal dak li kien disponibbli għax-xiri ta’ vetturi elettriċi. Neħtieġu wkoll qafas ta’ politika aktar b’saħħtu li jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u r-rispons rapidu għall-inċidenti ċibernetiċi.

Possibbilment jista’ jkun hemm ukoll ċentru nazzjonali ddedikat għar-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi għan-negozji, li joffri gwida, appoġġ, u twissijiet f’ħin reali,” qalet Dr Portelli. 

Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-BOV, irrimarka li hekk kif aktar individwi u negozji qed jużaw mezzi diġitali, kemm bħala mezz ta’ komunikazzjoni, kif ukoll biex jagħmlu negozju, l-opportunità għall-frodisti biex jisfruttaw il-vulnerabilitajiet f’fora diġitali kibret b’mod esponenzjali.

“L-iscams mhumiex biss reat finanzjarju. Huma attakk dirett fuq il-fiduċja, il-pedament li fuqu jirnexxi kull negozju u komunità. Fil-Bank of Valletta, aħna nemmnu li l-ħolqien ta’ kultura b’saħħitha u ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju hija importanti daqs l-investiment fl-aħħar teknoloġiji. Is-salvagwardja tal-klijenti kontra l-iscams titlob mentalità ta’ kollaborazzjoni”.

“Meta l-istituzzjonijiet finanzjarji, ir-regolaturi, in-negozji u l-individwi jingħaqdu flimkien, joħolqu ‘front line’ li  tkun aġli, reżiljenti u proattiva. Il-Bank of Valletta huwa kburi li qed jagħmel il-parti tiegħu, mhux biss billi jinvesti fis-sistemi, iżda billi jagħti s-setgħa lin-nies bl-għarfien, u jagħtihom l-għodda biex jaġixxu b’mod deċiżiv fid-dawl tat-theddid,” huwa enfasizza. 

Ryan Caruana, Group Chief AFC & MLRO fi ħdan il-BOV saħaq li “l-iscams evolvew f’industrija globali sofistikata, li tisfrutta t-teknoloġija u l-imġiba tal-bniedem bl-istess mod. L-unika triq ’il quddiem hija li nibqgħu aġġornati u nkunu aktar rapidi, permezz tal-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni, u kultura li tqiegħed il-viġilanza fil-qalba ta’ kull deċiżjoni. Għalina fil-Bank of Valletta, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni huma l-aktar difiża b’saħħitha għall-klijenti tagħna u għall-komunità kummerċjali.”

Wara din is-sessjoni ta’ informazzjoni, il-Kamra tal-Kummerċ u l-BOV se jniedu serje ta’ podcasts li se tiffoka fuq din it-tema kruċjali. B’għarfien minn firxa ta’ esperti, is-serje se teżamina l-aħħar tattiċi li l-frodisti qed jużaw biex jimmiraw in-negozji Maltin filwaqt li tenfasizza liema huma s-sinjali ta’ twissija ewlenin li wieħed għandu  jħares qabel ma tittieħed azzjoni. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport