Sunday, May 19, 2024

Il-Kamra tal-SMEs turi tħassib dwar il-mozzjoni tal-PN

Il-Kap Eżekuttiv tikteb lill-kelliem tal-Oppożizzjoni Stanley Zammit

Aqra wkoll

Meta t-Tlieta kien qed isir dibattitu fil-Parlament dwar mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jemenda l-Avviż Legali dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi preżenta ittra li nkitbet mill-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Intrapriżi ta’ Daqs Żgħir u Medju (Chamber of SMEs) Abigail Agius Mamo – li fiha barra li ntwera nuqqas ta’ qbil ma’ dak propost mill-Oppożizzjoni, intqal li tibdiliet bħal dawn jeħtieġu proċess ta’ konsultazzjoni li fil-fatt ma’ sarx.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi wera l-kontradizzjoni tal-Oppożizzjoni meta sa jumejn ilu, il-Kap tagħha kien qed jistqarr li jrid imexxi Gvern li jikkonsulta ma’ kulħadd, imbagħad ġew fil-Parlament b’din il-mozzjoni li mhux biss ma sar l-ebda ħsieb dwar l-implikazzjonijiet tagħha iżda agħar minn hekk, ma kkonsultaw ma’ ħadd dwarha.

Il-mozzjoni li issa ser titpoġġa għall-vot fil-Parlament nhar it-Tnejn qed titlob fost ħafna affarijiet oħra li immedjatament il-Gvern jintroduċi liċenzji għal kull tip ta’ xogħol konness ma’ finishes fil-binjiet bħal tibjid, tikħil, tqegħid ta’ madum, xogħol ta’ waterproofing u anke xogħol ta’ stallazzjonijiet ta’ elettriku, ilma, gass, u servizzi tal-internet.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li l-Gvern ried l-ewwel jintroduċi liċenzji għall-aktar xogħol importanti fil-binjiet kollha li jsiru jiġifieri it-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini u fil-fatt diġa hemm kważi 4,000 applikazzjoni għal dawn il-liċenzji.

Huwa stqarr li l-introduzzjoni ta’ dawn il-liċenzji kienet riżultat ta’ konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa ma’ li stakeholders kollha li resqu l-quddiem bis sottomissjonijiet tagħhom u l-Gvern semagħhom. Imbagħad kien hemm ukoll il-konsultazzjoni diretta mal-pubbliku b’laqgħat apposta li għalihom attendew aktar minn elf persuna.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ittra li is-CEO taċ-Chamber of SME’s, is-Sinjura Abigail Agius Mamo kitbet lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, l-Inġinier Stanley Zammit, li fiha esprimiet it-tħassib tagħha għal dak li pproponew tal-Oppożizzjoni fil-mozzjoni tagħhom.

Hija qalet li l-Oppożizzjoni ma kelliex tħallat il-liċenzji ta’ xogħol b’tant riskju bħall-iskavar, it-twaqqigħ u l-bini ma’ snajja oħra li għandhom x’jaqsmu mal-bini. Hija saħansitra stqarret li dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni ma tistax titqies bħala proposta li tagħmel sens.

Proposta ta’ dan it-tip, qalet is-Sinjura Agius Mamo għandha tgħaddi minnn proċess ta’ konsultazzjoni u ftehim li jseħħ f’sistema demokratika normali u mhux tidħol fis-seħħ b’mozzjoni fil-Parlament.

Meta tkellem dwar din l-ittra, il-Ministru Zrinzo Azzopardi li dan kollu jixhed kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista resqet din il-mozzjoni bla ħsieb ta’ xejn u bla ma kkonsultat ma’ ħadd.

L-implikazzjonijiet ta’ dak li pproponiet l-Oppożizzjoni kienu jkunu kbar ħafna fuq eluf ta’ operaturi li jaħdmu f’dan il-qasam.

Sport