Wednesday, November 27, 2024

“Il-Kamra tar-Rappreżentanti llum qed issir mingħajr snien”

Aqra wkoll

Fl-indirizz tiegħu, fl-okkażjoni tal-100 sena tal-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li llum il-ġurnata l-Kamra tar-Rappreżentanti qed issir Kamra mingħajr snien. 

Qal li fl-aħħar ġimgħat kellna Kumitat li stieden lil Deputat sabiex jersaq jirrispondi ta’ għemilu u dan għal tliet darbiet. Qal li dan baqa’ juri disprezz sħiħ lejn il-poplu Malti u issa ta data biex jersaq hu kumdità tiegħu.

“Jidhrilna li din il-Kamra trid turi aktar rispett lejha nnifisha u tara li jkunu rispettati d-dritt tal-poplu Malti li jitlob rendikont għax ħadd mhu aqwa minn ħadd,” qal Dr Grech.

Huwa enfasizza wkoll li l-Oppożizzjoni ma taqbilx li jintużaw rulings u preċedenti Parlamentari biex jgħattu aġir ta’ xi ħadd. “Il-poplu għandu jkun l-uniku sovran f’dan il-Parlament. Għalhekk jidhirli li kien żball meta din il-Kamra ċediet li Joseph Muscat milli jiġi biex jirrispondi għal għemilu. Nittama li tali żbalji ma jerġgħux isiru fil-ġejjieni,” saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

“Aħna rridu nnaddfu l-politika għax nemmnu li inti ħaqqek aħjar. Għalhekk irridu Parlament li jkun kapaċi jaqdi lilek biss. Irridu Parlament fejn dawk li jirrappreżentawk iridu jagħtu rendikont kull meta flok jaqduk ikunu qed jinqdew bik,” qal Dr Grech.

Sport