Friday, April 19, 2024

“Il-kanċer huwa mostru… imma t-tfal tiegħi huma x-xemx għalija”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Pazjenta tal-kanċer tistqarr li dan il-vjaġġ għallimha tirrealizza kemm ir-relazzjoni bejn l-omm u t-tfal hija kbira ħafna

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

Maria Mariella Attard, li ilha għal dawn l-aħħar erba’ snin u nofs tieħu t-trattament kontra l-kanċer wara li ġiet dijanjostikata li kellha kanċer fis-sider, tgħid li ż-żewġt uliedha kienu ‘ix-xemx’ għaliha. Filwaqt li meta ħasset boċċa f’sidirha l-ħajja tagħha nbidlet minn lejl għan-nhar, fejn minn hemmhekk beda l-vjaġġ twil ta’ terapija, hija tistqar li l-ħajja hija sabiħa u ta’ min wieħed japprezzaha. Fuq kollox, minn dan kollu tgħallmet kemm ir-relazzjoni bejn omm u uliedha hija kbira ħafna.

“Dan il-mostru ma jħallikx tikkonċentra. Kulma tara quddiem għajnejk huwa qabar u tebut. Kelli ħafna kuraġġ minn tal-familja, tobba, il-kollegi u l-ġirien imma kont niddejjaq naħseb kien kif is-sitwazzjoni se tkun qed taffettwa lit-tfal,” qalet Maria Mariella.

“Kont nibża’ li mhux se nkun hemm għalihom. Jien inħobbhom ħafna u li kieku nista’ npoġġihom ġo bozza. Imma minn din is-sitwazzjoni tirrealizza kemm ir-relazzjoni bejn l-omm u t-tfal hija waħda kbira ħafna. Hemmhekk tkun taf kemm hi kbira l-imħabba. Għandna relazzjoni vera b’saħħitha u meta tgħaddi minn dan il-maltemp, huma jkunu x-xemx tiegħek. Il-kelma tagħhom kienet timlini b’kuraġġ kbir… anke l-konsulent jgħidlek tagħmel kuraġġ, imma l-kelma ‘Ma’ bħal ‘Ejja Ma se nimxu flimkien’, jew ‘Ejja Ma taqtax qalbek, se nagħmluha flimkien’, dawk il-kliem kienu jkunu x-xemx għalija,” qalet b’emozzjoni Maria Mariella.

“Il-chemo jweġġa’ imma l-mostru trid toħorġu minn ġo fik. Ma tridx tħallih jieklok”

Hija qalet li t-triq hija twila u sfortunatament se jkun hemm uġigħ matul il-vjaġġ. Dan għaliex, “Il-chemo jweġġa’ imma l-mostru trid toħorġu minn ġo fik. Ma tridx tħallih jieklok.” Minkejja d-diffikultajiet kollha, hija tifhem li l-kanċer jaffettwa wkoll lin-nies ta’ madwarha u tipprova dejjem tkun bi tbissima anke b’mod speċjali għat-tfal, għax “la jaraw li ommhom hija orrajt, allura huma jkollhom is-serħan il-moħħ u mentalment se jkunu tajjeb.”

B’xorti t-tajba, hija sabet għajnuna enormi mingħand il-Malta Community Chest Fund Foundation tant li tistqar li l-MCCFF hija l-qaddis patrun tagħna l-Maltin. “Naħseb li l-Istrina għandha tkun festa pubblika. Il-Community Chest fund ma toqgħodx tara jekk intix abjad jew iswed, aħmar jew blu, jekk intix twil jew qasir, gay jew straight… taqbadlek idejk u tgħidlek biex tħalli f’idejha. Imma issa, se nħallu l-Covid-19 tfarkilna l-baby tagħna? Irridu ningħaqdu ponn wieħed, familja waħda u nħallu l-politika fil-ġenb biex kulħadd jerġa’ jingħaqad. Il-kanċer mhux se jgħidlek għax int hekk jew le imma jgħidlek ‘fejn se nidħol jien, se nkisser’.”

Appell biex ta’ poplu ġeneruż li aħna, nagħtu donazzjoni biex l-MCFF tkompli tgħin lil ħaddiehor

Hija temmet b’appell wieħed u sempliċi. “Il-kura hija kbira. It-triq hija twila wkoll imma l-kura hija b’saħħitha. Ma tridx toqgħod toħloq paniku u tinkwieta għax l-inkwiet iġib il-mard. Ma tridx tħalli s-sodda tikmandak. Għandek tibqa’ għaddej u ma tintelaqx. Trid tieħu l-prekawzjonijiet imma l-ħajja trid tkompli. Trid tirringrazzja lil Alla li hawn l-anġlu kustodju tal-MCCFF li se jtuk id-dinja. Ara kemm salvaw nies u ara kemm bagħtu nies għall-kura barra,” qalet filwaqt li appellat mill-qalb biex min jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu lill-MCCFF għax fil-verità qatt ma tista’ tgħid jekk fil-futur hux se tkun int stess li tibbenefika mill-għajnuna enormi li tagħti. 

Sfortunatament l-isfidi li qed tħabbat ma’ wiċċha l-MCCFF huma ħafna akbar milli kienu fis-snin li għaddew. In-numru tal-pazjenti li jeħtieġu l-għajnuna żdied, filwaqt li l-ispejjeż tal-mediċini tal-kanċer splodew ‘il fuq.

Bħalissa hemm kampanja bl-isem ta’ ‘Help us Help Others’ organizzata mill-MCCFF fejn qed tappella għall-ġenerożità tal-impjegati billi tistieden li joffru donazzjoni volontarja ta’ ammont li jixtiequ huma stess mill-paga tagħhom kull xahar.

Apparti minn hekk, il-Ħadd li ġej se tiġi organizzata maratona ta’ ġbir ta’ fondi minn nofsinhar sa nofsillejl li se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali tat-televiżjoni. Għalhekk, l-appell huwa biex fl-20 ta’ Settembru, ta’ poplu ġeneruż li aħna, noffru dik ix-xi ħaġa żgħira li forsi tkun biss qatra fl-oċean imma għal xi ħadd li tassew huwa fil-bżonn, dik il-qatra se tkun qed tagħmel differenza kbira tassew.

Sport