Il-kanċer ma jagħżilx. L-għarfien jista’ jagħmel differenza.

- Jikteb Andre Buhagiar

Aqra wkoll

Ottubru huwa x-xahar li fih il-kulur roża jerġa’ jidħol fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Narawh fuq il-midja soċjali, fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-isport u f’diversi inizjattivi imma wara l-kulur hemm realtà ħafna akbar.

Hemm nies. Hemm familji. Hemm persuni li qed jistennew riżultat, persuni li għaddejjin minn trattament u oħrajn li llum jistgħu jgħidu li għelbu marda li bidlet ħajjithom. Għalhekk, meta nitkellmu dwar il-kanċer, m’għandniex nitkellmu biss dwar kuxjenza. Irridu nitkellmu wkoll dwar responsabbiltà.

Il-kanċer ma jagħżilx bejn min għandu ħafna u min għandu ftit, ma jagħżilx bejn min għandu karriera u min qed jipprova jlaħħaq mal-ħajja. Jista’ jolqot lil kulħadd u proprju għalhekk, sistema tas-saħħa għandha tkun mibnija fuq il-prinċipju li kull persuna għandha aċċess għall-prevenzjoni, għad-dijanjosi bikrija u għall-kura meħtieġa.

Malta diġà għandha programmi nazzjonali ta’ screening għall-kanċer tas-sider, tal-kolorektum u taċ-ċerviċi. Is-Servizz Nazzjonali tal-Iscreening jispjega li l-għan ta’ dawn il-programmi huwa li jinstab il-kanċer fi stadju bikri jew, fil-każ taċ-ċerviċi u tal-kolorektum, li jiġu identifikati bidliet li jistgħu jiġu indirizzati qabel jiżviluppa l-kanċer.

Dan huwa eżempju ċar ta’ fejn il-politika tas-saħħa ma tistax tkun biss dwar dak li jiġri wara li persuna timrad. Il-politika trid taħseb ukoll qabel għax prevenzjoni tajba tfisser inqas tbatija, dijanjosi aktar bikrija u fejn possibbli, riżultati aħjar għall-pazjent.

Irridu nkunu wkoll onesti magħna nfusna. L-investiment fis-saħħa ma jieqafx mal-bini ta’ sptarijiet jew max-xiri ta’ tagħmir. Jinvolvi l-professjonisti, it-taħriġ, ir-riċerka, id-dijanjosi, il-mediċini, il-kura kontinwa u, fuq kollox, l-esperjenza tal-pazjent.

F’dawn l-aħħar snin sar investiment f’teknoloġija u trattamenti għall-kanċer. Il-Ministeru għas-Saħħa rrappurtat ukoll investimenti f’tagħmir bħal MR-Linac, apparat ta’ radjoterapija, kirurġija robotika u tagħmir dijanjostiku.

Politika tajba ma għandhiex tgħid biss, “kemm investejna?” Għandha tistaqsi wkoll, “x’differenza qed tagħmel din l-investiment fil-ħajja tal-pazjent?” Kemm qed insibu l-marda aktar kmieni? Kemm qed ikollhom aċċess għal kura xierqa dawk li jgħixu waħedhom jew għandhom diffikultajiet ekonomiċi? Kemm qed nagħtu appoġġ lill-familji li ħafna drabi jsiru caregivers mingħajr ma jkunu ppreparati għal dan?

Dawn huma l-mistoqsijiet li għandhom jibqgħu fuq l-aġenda politika għax wara kull politika hemm ħajja u meta nitkellmu dwar il-kanċer, m’għandniex ninsew lil dawk li jgħixu wara d-dijanjosi. F’Ġunju ta’ din is-sena, il-Ministeru għas-Saħħa organizza konferenza nazzjonali dwar is-survivorship tal-kanċer, b’enfasi fuq it-tama u r-reżiljenza tal-pazjenti. Dan ukoll għandu jkun parti mid-diskussjoni: x’jiġri wara t-trattament?

Persuna li tispiċċa l-kura ma tfissirx neċessarjament li spiċċat il-vjaġġ. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ follow-up, appoġġ psikoloġiku, riabilitazzjoni, ritorn għax-xogħol u għajnuna biex persuna terġa’ tibni ħajjitha u hemm punt ieħor li ma nistgħux ninsewh: l-għarfien.

L-għarfien jista’ jwassal lil persuna biex tieħu screening meta tkun eliġibbli. Jista’ jwassal lil xi ħadd biex jitkellem ma’ tabib dwar sintomu li ilu jinkwetah. Jista’ jwassal familja biex tkun aktar preżenti ma’ persuna li tkun qed tgħaddi minn trattament.

L-għarfien ma jiggarantixxix li ħadd ma jimrad imma jista’ jgħin biex ma nibqgħux indifferenti u għalhekk, f’Ottubru, ma għandniex nieqfu mal-kampanji u r-ritratti.

Irridu nkomplu nsaħħu kultura ta’ prevenzjoni, rrridu nkomplu ninvestu fis-servizz tas-saħħa, nkomplu nsaħħu l-professjonisti tagħna, rridu nkomplu nisimgħu lill-pazjenti u lill-familji tagħhom u rridu nkomplu nagħmlu mistoqsijiet politiċi li jwasslu għal servizz aħjar.

Il-politika tas-saħħa ma għandhiex tkun dwar il-partit li qiegħed fil-Gvern jew dak li qiegħed fl-Oppożizzjoni imma għandha tkun dwar il-persuna li dakinhar li tirċievi aħbar li tbiddel ħajjitha, issib sistema li tkun hemm għaliha.

Il-kanċer ma jagħżilx. L-għarfien jista’ jagħmel differenza u l-politika għandha tiżgura li wara kull persuna jkun hemm sistema li tgħin lil kulħadd.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport