Il-Kanċillier Awstrijak Karl Nehammer qal li se jirriżena wara li t-taħditiet bejn l-akbar partiti ċentristi tal-pajjiż biex jiġi ffurmat il-gvern mingħajr il-Freedom Party (FPO) fallew.
Huwa ħabbar dan matul il-jum tas-Sibt wara li l-partit liberali Neos irtira min-negozjati mal-Partit Popolari Konservattiv (OVP) ta’ Nehammer u s-Soċjal Demokratiċi (SPO).
“Wara l-waqfien fit-taħditiet għall-koalizzjoni se nirriżenja kemm bħala Kanċillier kif ukoll bħala Chairman tal-Partit Popolari fil-jiem li ġejjin,” qal Nehammer.
F’filmat li tella’ fuq il-midja soċjali tiegħu, il-Kanċillier qal li n-negozjati “twal u onesti” maċ-ċentru-xellug fallew minkejja interess kondiviż li kien hemm biex iwarrbu l-lemin estrem.
Nehammer enfasizza li l-partit tiegħu mhux se jkun qiegħed jappoġġja miżuri li huwa jemmen li jagħmlu ħsara lill-ekonomija jew taxxi ġodda.
Huwa qal li se jippermetti “tranżizzjoni ordinarja” u kkritika lil dawk li sejħilhom bħala “radikali” li ma joffrux soluzzjonijiet iżda jitkellmu biss dwar il-problemi.