Tuesday, December 24, 2024

Il-kandidat Dr Edward Cassar Delia … l-isport fuq nett tal-aġenda tiegħu

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Dr Edward Cassar Delia huwa kandidat ġdid mal-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Hu se jikkontesta fit-tieni distrett li jinkludi l-Birgu, Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, St Peter’s (Ħaż-Żabbar), Fgura, Kalkara u Xgħajra u t-tielet distrett elettorali li jinkludi liż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaskala u Marsaxlokk.

Huwa trabba Ħaż-Żabbar u għex ukoll f’Marsaskala, għandu għal qalbu l-isport kif ukoll lagħab il-football u l-basketball għalkemm ip­prattika wkoll il-bodybuilding lura fis-snin 90.

Aktar tard Cassar Delia speċjalizza fl-Orthopaedic Traumatology and Physical Medicine u ħadem ma’ diversi tobba membri fil-CONI. Fl-Italja huwa kellu ċ-ċans jaħdem ma’ diversi minn dawn it-tobba fejn kompla jimraħ f’dan il-qasam tant importanti għall-isport. 

Illum il-ġurnata, huwa qed jgħin diversi atleti jkollhom wirja aħjar meta jkunu se jikkompetu kif ukoll ingħaqad ma’ żewġ clubs tal-football ta’ St Patrick FC u St George’s FC. Riċentement qed jagħti seh­mu wkoll fit-team Taljan ta’ Sanremesse Calcio. 

Cassar Delia għandu ħolma li l-atleti kollha lokali li qed jipprattikaw xi tip ta’ sport jiksbu l-aqwa livelli possibbli biex jibdew jirbħu l-midalji meta jikkompetu barra minn xtutna.

Fl-istess waqt, jekk ikun elett fil-Parlament Malti, hu lest li jiżviluppa sew sistema tal-aqwa livell li tkabbar il-potenzjal ta’ kull sportiv u b’hekk ikunu aktar lesti biex jikkompetu fuq livell internazzjonali.

Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Edward Cassar Delia fejn spjega aktar fid-dettall il-filosofija tiegħu dwar aktar titjib fl-isport lokali f’kull livell.

“Jien għandi ħolma. Nixtieq nara aktar riżultati pożittivi fl-atleti Maltin f’kull sport għax kull atleta għandu jkun stmat u fuq kollox megħjun sabiex ji­l­ħaq il-potenzjal kollu tie­għu.”

Cassar Delia fassal erba’ pilastri li għandhom jgħinu sabiex l-isport ikollu aktar progress fil-futur mhux ‘il bogħod. Dawn l-erba’ pilastri jinkludu l-iżvilupp tat-teknika sportiva fit-tfal iż-żgħar, titjib u standards għoljin fil-faċiltajiet sportivi, ix-xjenza sportiva u organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bejn il-pajjiżi madwar il-Baħar Mediterran.

Cassar Delia kien ċar sew fl-ewwel pilastru li jqisu wieħed ewlieni.

“Ċertament li t-tfal huma l-futur ta’ pajjiżna. Inqis­hom bħala l-fulkru sabiex verament nibdew inrawmu kultura sportiva. 

“Nemmen li lezzjoni waħda tal-edukazzjoni fiżika fil-ġimgħa mhux biżżejjed.Għandu jkun għallinqas erba’ lezzjonijiet b’dan is-suġġett jitla’ bħala wieħed primarju fil-Kurrikulu Mi­nimu Nazzjonali. 

“Apparti minn hekk nemmen li għandhom jerġ­għu jibdew il-kompetizzjoni bejn l-iskejjel. Barra ‘l hekk imsejħa Sports Day li ssir fl-iskola jkun hemm oħra biex l-għalliema jkunu jistgħu jevalwaw il-progress li jkun sar mill-ewwel waħda.

“Irrid li jkollna ambjent kompetittiv fejn l-istudenti jikkompetu bejniethom u nrawmulhom dak is-sens li jridu dejjem ikunu l-aħjar.

Għandhom isiru kompetizzjonijiet f’kull sport bħal football, basketball u atletika biex insemmi tlieta minn­hom u wara jkun hemm scouting fejn jintgħażlu l-aqwa atleti.”

Cassar Delia dar fuq it-tieni pilastru li jinkludi l-faċilitajiet. Huwa jgħid li dawn għandhom ikunu ta’ livell għoli, fuq livell internazzjonali.

“Nemmen li għandhom jinbnew villaġġi sportivi madwar Malta. Identifikajt tliet zoni ideali sabiex isir dan … fil-Marsa, f’Pembroke u f’Tal-Qroqq. Dawn għandhom ikollhom lukanda fejn tospita mhux biss atleti lokali iżda wkoll internazzjonali speċjalment min jixtieq jagħmel xi rtir sportiv hemmhekk.”

“Irridu ntejbu aktar il-faċilitajiet eżistenti speċjalment il-Pixxina Nazzjo­nali, f’Tal-Qroqq, u s-Shooting Range, f’Ta’ Kandja.

“Hemm ċerti kmamar li jista’ jsir użu tajjeb minnhom filwaqt li ċerti affarijiet fl-istess shooting range mhu­miex qed jaħdmu kif suppost.”

It-tielet pilastru li Cassar Delia qed ifassal matul din il-kampanja elettorali ntiża l-aktar għall-isport hija x-xjenza sportiva. Mill-esperjenza tiegħu fl-Italja huwa seta’ jinnota kemm dan il-qasam jgħin sabiex sportiv partikolari jtejjeb il-livell tiegħu bl-għajnuna ta’ esperti. 

“Stajt nosserva tajjeb ħaf­na li meta kont f’Ruma, l-assoċjazzjoni kienet taq­bad atleta u tieħu f’laboratorju sportiv. 

“Hemmhekk jittieħed id-demm, jiġi ċċekkjat l-ossi­ġenu, l-atleta juża’ treadmill sabiex jaraw il-potenzjal tiegħu u wara li jsiru r-riżultati tal-analiżi xjentifiku, tiġi identifikata d-dieta li għandu jsegwi. Din hi ferm importanti għax kull atleta jaf x’inhuma l-kapaċitajiet fiżiċi tiegħu. Riċerka xjentifika serja ttejjeb il-wirja tal-atleta, xi ħaġa li f’Malta għadna qegħdin niżviluppawha.”

Finalment huwa tkellem dwar ir-raba’ pilastru li hu kkonċentrat fuq kompetiz­zjonijiet li għandhom isiru bejn il-pajjiżi li jinsabu madwar il-Baħar Mediterran. Hu jrid jinkludi diversi dixxiplini sportivi bi skop partikolari.

“Nafu li normalment ikun hawn kompetizzjonijiet fuq livell Ewropew, Mondjali u Olimpiku. Jekk ikollna logħob bejn il-pajjiżi tal-Mediterran, l-atleti jkunu ippreparati aktar sabiex jaffrontaw il-kompetizzjonijiet li jkunu ġejjin.”

“Għalhekk tkellimt dwar villaġġi sportivi għax fihom jistgħu jiġu organizzati kom­­petizzjonijiet bħal dawn filwaqt li żżid it-turiż­mu sportiv.”

Semmejna wkoll it-turiż­mu sportiv. Cassar Delia jgħid li l-ambjent li joffri pajjiżna huwa uniku b’mod partikolari t-temp li jkollna. Jistgħu jsiru kompetiz­zjonijiet li jattiraw numru ta’ players u atleti u dawn kapaċi jerġgħu jiġu f’pajjiżna.

Hua tkellem ukoll dwar il-finanzjament ta’ atleti lokali. Fl-opinjoni tiegħu kull atleta li jirrappreżenta lil pajjiżna għandu jkun iffinanzjat għax, skont hu, mhux aċċettabbli li jħallas kollox minn butu. Hu rre­fera b’mod partikolari għal dak l-isport mhux Olimpiku fejn fih atleti jidħlu fi spejjeż kbar sabiex jwettqu dak li jixtiequ. Ironikament sport individwali bħal dan hu l-iktar li jġib suċċess għalkemm mhux dejjem ikun rikonoxxut kif suppost.

Finalment Edward Cassar Delia tkellem ukoll dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Huwa veru li l-atleti qed jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex jitħarrġu fl-isport favorit tagħhom iżda l-mistoqsija tiegħu hi waħda ċara.

“X’qed jiġri mill-istudenti li jispiċċaw minn din l-is­kola? Qed jiġu segwiti wara li jispiċċaw il-ħames sena tal-iskola sekondarja? Jew inkella min irnexxa u mar jikkompeti barra għamel dan daqs kemm irsista individwalment?”

“Dan m’għandux ikun speċjalment wara ħames snin fejn l-għalliema kienu qed iħarrġu lill-istudent b’tant dedikazzjoni. Għandu jkun hemm follow-up. B’hekk nassiguraw li ma jintilfu l-ebda atleti.”

L-aħħar messaġġ li xtaq jibgħat Edward Cassar Delia huwa proprju lejn l-elettorat Malti tat-tieni u t-tielet distrett li għandhom jagħ­tuh l-ewwel preferenza sabiex jaraw l-isport Malti jiġi żviluppat radikalment. 

“Jekk jiġri hekk, ix-xewqat u l-ħolm ta’ dawn l-atleti Maltin li tant jagħmlu sagrifiċċji, isirilhom real­tá. Ladarba dan kollu jseħħ, ir-riżultati jibdew ġej­jin.”

Ekonomija

Sport