Sunday, October 27, 2024

Il-kantanta żagħżugħa Emma Cutajar b’suċċess fl-Ingilterra

Aqra wkoll

Emma Cutajar hi kantanta żagħżugħa ta’ 15-il sena li ħafna jiftakruha tikkompeti fl-avveniment imsejjaħ Malta’s Got Talent fejn hemmhekk tat wirja impekkabbli. Hi kienet kisbet ukoll il-famuż Golden Buzzer wara li kantat il-kanzunetta tagħha I Miss You. Dakinhar Maxine Aquilina kienet tatha l-golden buzzer wara li kienet impressjonat ruħha tassew bil-fatt li ta’ età żgħira rnexxielha toħloq xi ħaġa tassew sinċiera u b’saħħitha.

Minbarra li tkanta, Emma tikteb ukoll il-mużika tagħha fejn tqatta’ l-ħin liberu tagħha f’kamritha tħarbex in-noti li tkun qed tħoss dak il-ħin bil-burdata li tkun fiha li tagħmel ukoll xi ftit tagħha. Hi kantanta li tħobb tesplora u waħda mis-siltiet li ħarġet kien jisimha Mad at Myself.

Emma Cutajar dejjem rat kif se timraħ dejjem aktar f’din il-karriera tagħha minkejja l-età żagħżugħa li għandha. Hi beda jkollha l-ewwel esperjenzi barra minn xtutna wara li kisbet suċċess fil-UK Songwriting Contest 2021 fejn rebħet it-Teen Award appuntu bil-kompożizzjoni tagħha Mad At Myself.

Din il-kanzunetta tant għamlet suċċess li ntgħażlet bħala UKSC Teen Winner minn panel magħmula minn tim ta’ ġurija li jifhmu sew fl-industrija tal-mużika inkluż l-attriċi u l-kantanta tal-kanzunetta ta’ Hollywood, Bonnie Piesse. Din tal-aħħar qalet hekk: “Togħġobni wisq din il-kanzunetta… kuntenta naraha tilħaq il-quċċata. Jixirqilha għax hi kittieba u kantanta verament brava.”

Dawn il-kliem, li ġejjin minn esperta, juru tassew it-talenti ta’ Emma li żgur mhux forsi għandha futur mill-aqwa quddiemha. It-talent tagħha tesprimih kemm fil-kitba kif ukoll fil-kant u dan il-fattur jagħmel din iż-żagħżugħa bħala unika. 

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Emma fejn dehret ferm kuntenta b’dak li rnexxielha tikseb s’issa. “Żgur li ma kontx qed nistenna li nirbaħ din il-kompetizzjoni online. Jien għedt ħa naqbad u napplika u mbagħad naraw x’jiġri minn hemm. Minn hemm beda l-proċess li wassalna saħansitra sabiex nieħu rating ta’ 5 stars ta’ din il-kanzunetta u sinċerament lanqas ridt nemmen.”

Iżda kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-mużika?

Emma tgħidilna li l-mużika kienet dejjem fil-vini tagħha. Meta kellha erba’ snin hi kienet tagħmel dwett man-nannu tagħha li tqisu bħala l-ikbar ispirazzjoni l-għala qabdet din it-triq. Hu kien idoqq il-kuntrabaxx u kien il-gost u pjaċir tagħha ta’ tifla li kienet li tkanta miegħu. Ta’ għaxar snin bdiet iddoqq il-pjanu u aktar tard saħansitra tesperimenta fil-kitba tal-mużika.

Ftit tas-snin wara, kien tnieda l-kunċett tal-Malta’s Got Talent. Hi minn dejjem kienet issegwi l-programm Britain’s Got Talent u għalhekk kienet xi ħaġa naturali li tissottometti l-produzzjoni tagħha. 

“Għamilt kuraġġ bija nnifsi minħabba li jien persuna li ninkwieta ħafna u xi kultant nibqa’ lura wkoll. Ma kontx qed nistenna li ngħaddi għall-fażi eliminatorja iżda b’sorpriża għalija rnexxieli nagħmilha wkoll.”

Tlabna lil Emma x’inhu l-messaġġ tad-diska Mad At Myself. Fi kliemha: “Meta ktibtha kont qed nesperimenta bi stil naqra differenti minn ‘I Miss You’ u rigward il-kliem naħseb li huwa suġġett li jistgħu jirrelataw miegħu hafna. Il-messaġġ huwa dwar kif xi drabi tibni relazzjoni b’saħħitta ma’ persuna u wara li xi ħaġa tmur ħażin, terġgħu tispiċċaw qiskom lanqas tafu lil xulxin. Mhix xi ħaġa li essaġġ għaddejt minnha jien iżda naf bosta nies li iva u naf kemm kapaci tkun diffiċli.”

Insaqsuha dwar ix-xewqa partikolari tagħha u hi mal-ewwel weġbitna li ħolma partikolari hi dik li ssiefer barra minn xtutna sabiex hemmhekk taqbad karriera professjonali fil-kitba u l-kant tal-mużika. Pajjiż li verament jaffaxxinaha hu l-Ingilterra fejn issejjaħlu l-mekka tat-teatru u l-mużika fid-dinja. Fil-fatt li jkollok xogħol fuq bażi full-time hemmhekk hi xi ħaġa prestiġġjuża li hi qed tfittex ħafna.

Peress li Emma għandha 15-il sena, bħalissa għaddejja fl-aħħar sena tal-iskola sekondarja tagħha u għalhekk f’Mejju li ġej se tkun qed tagħmel l-eżamijiet fuq livell ordinarju. Iżda kif tlaħħaq mal-mużika, il-kitba u l-istudju?

“L-ewwel u qabel kollox trid torganizza l-ħin tiegħek. Bħalissa għaddejja bl-eżamijiet tal-iskola sekondarja. Hu perjodu fejn irrid nistudja ħafna sabiex immur tajjeb fl-eżami. Kif kulħadd jaf il-ħames sena tal-iskola sekondarja hi dejjem iebsa u hi fundamentali għall-futur tiegħek biex tara fejn se tmur ġaladarba tispiċċa dan l-istadju f’ħajtek.”

“Jien nara li nlesti x-xogħol tad-dar, l-istudju u xi affarijiet oħra li rrid nagħmel. Minn hemm dritt għall-kamra tiegħi sabiex nikteb il-mużika u fejn ikolli ċans immur inkanta u nħarreġ il-vuċi tiegħi. Nammetti li l-mużika għalija hi forma ta’ ħarba mill-istress li ġieli ngħaddi minnu. Il-mużika tgħinni sabiex psikoloġikament inħossni aħjar.”

Emma tgħid li l-ġenituri tagħha kif ukoll ħutha jagħtuha kuraġġ enormi sabiex tirnexxi f’dak li tixtieq tagħmel. Mingħajrhom żgur li ma kinitx tasal tagħmel dak li xtaqet għax ikunu hemm dejjem għaliha. 

Finalment tlabna lil Emma sabiex twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant. “Qatt m’għandkom taqtgħu qalbkom anzi dejjem fittxu sabiex tiżviluppaw il-ħiliet tagħkom, ikunu x’ikunu. B’hekk jinfetħulkom opportunitajiet li eventwalment jafu jgħinukom sabiex tilħqu dak li tixtiequ. Oħolmu dejjem għax il-ħolm jaf isir realtá!”

Sport