Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru ġiet uffiċjalment inkluża fir-Reġistru tal-Memorja tad-Dinja tal-UNESCO.
Kien il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici li ħabbar dan meta nnota b’sodisfazzjoni li dan il-wirt storiku Malti issa ġie rikonoxxut fuq livell dinji li tant hu prestiġjuż.
F’messaġġ li kiteb hu rringrazzja lill-persuni kollha li taw sehemhom f’din l-inizjattiva. Hu semma fost l-oħrajn dawk li ħadmu fuq l-applikazzjoni u anke l-professjonisti biex dan il-wirt Malti ġie rikonoxxut.
Il-Kantilena li hija poeżija imma aktar importanti hi l-eqdem xogħol letterarju bl-ilsien Malti li qatt ġie skopert s’issa tmur lura għall-aħħar tas-seklu ħmistax u kien f’Settembru tal-1966 meta din instabet mill-Patri Michael Fsadni u l-Professur Godfrey Wettinger.
Il-poeżija tifforma parti mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u tinsab fl-Arkivju tar-Reġistri Notarili. Kien f’Novembru tal-2023 meta ġie sottomessa l-applikazzjoni mal-UNESCO biex dan il-wirt jiġi rikonoxxut.