Friday, December 13, 2024

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Manchester United jiltaqa’ mal-partitarji

Aqra wkoll

Minkejja li Manchester United għadhom ma akkwistaw l-ebda player, il-kap eżekuttiv tal-club, Richard Arnold, qal li ‘l-flus mhumiex problema’ fl-insegwiment għall-firma tal-midfielder internazzjonali Olandiż ta’ Barcelona, Fren­kie De Jong. 

Il-United identifikaw lil dan il-player bħala l-prijoritá tagħhom fis-suq tat-trasfe­rimenti biex il-coach il-ġdid, Erik ten Hag ikun jista’ jibni t-team madwaru. 

U minkejja li t-taħditiet ilhom għaddejjin ġmielhom, Arnold sostna li jemmen li De Jong se jkun player ta’ Manchester United fil-futur qrib. 

Huwa qal dan meta ltaqa’ ma’ grupp ta’ partitarji f’pub f’Cheshire wara li dawn talbu għal laqgħa minħabba li jinsabu mħassbin hekk kif clubs oħra qed jiffirmaw players ġodda. 

Filwaqt li Arnold serraħ ras il-partitarji li l-manager għandu baġit sostanzjali, huwa kkritika bl-aħrax lill-predeċessur tiegħu, Ed Woodward, u l-mod kif il-United kienu ‘litteralment ħarqu bosta fondi għal negozjati b’riżultati diżastrużi matul dawn l- aħħar snin speċjalment fl-istaġun li għadda. 

Huwa aċċenna wkoll li, għal kuntrarju ta’ Woodward, mhux se jkollu x’jaqsam fin-negozjati biex jiġu ngaġġati players ġodda iżda dan se jkun fir-responsabbiltá tal-ogħla ġerarkija tal-club. 

Dwar De Jong, li Barcelona qed jistmaw għal £75 miljun, Arnold qal lill-partitarji: “Il-flus mhumiex problemi f’min irridu niffirmaw.

“Dak huwa xogħol il-manager biex janalizza lil players li jrid u De Jong jinsab fil-lista tiegħu. 

Peró kulħadd irid ikun ftit paċenzjuż. 

Skond il-kont ta’ Twitter ta’ wieħed mill- partitarji li tkellem ma’ Arnold, hemm miktub li “l-uffiċjali tal-United jinsabu fil-belt ta’ Barċellona biex jilħqu ftehim għal De Jong.”

“Bħala club qed nagħmlu dak kollu possibbli biex jintlaħaq kull ftehim. Dan ilni ġranet sħaħ biex nipprova nwettqu. Il-fondi mhumiex probema iżda hemm affarijiet oħra li  qed ifixklulna li ma nistax ngħid.

“Fil-veritá mhux minna jiddependi għax li kieku dawk il-players li identifika l-ma­nager il-ġdid, kieku kollha diġá jinsabu magħna. Iżda hemm bosta ostakli li rrid negħlbu. Id-dinja ma saritx f’daqqa … peró nemmen li se naslu,” temm jgħid Arnold. 

Ekonomija

Sport