Rapporti internazzjonali qed jgħidu li allegatament is-sid tas-sottomarin Titan, minkejja li f’missjoni oħra qabel dik tax-xahar li għadda kien instema’ ħoss qawwi, huwa tefa’ kollox taħt it-tapit.
Dan hekk kif intqal li Stockton Rush, il-Kap Eżekuttiv ta’ OceanGate u wieħed mill-ħames vittmi fit-traġedja tal-aħħar spedizzjoni, qabel ma seħħet l-ispedizzjoni ta’ Ġunju li għadda, apparentament kien diġà rċieva twissijiet ta’ periklu minn membru tal-ekwipaġġ waqt episodju tal-programm “The Travel Show” li xxandar is-sena l-oħra fuq il-BBC.
Intqal ukoll li d-Direttur tal-film Titanic u esploratur veteran ta’ taħt il-baħar, James Cameron, qabel ma seħħet it-traġedja tas-sottomarin Titan kien diġà qal li l-mod kif inhu ddisinjat is-sottomarin huwa difettuż u li fi ftit żmien kien se jseħħ xi diżastru. Dan għaliex skontu, is-sottomarin — li kien irnexxielu jkopri b’wiċċ il-ġid tliet vjaġġi qrib il-fdalijiet tat-Titanic — ma’ kull għadsa l-qagħda tiegħu bdiet issir iżjed kritika.
Rush, filwaqt li għaraf li tip ta’ ħoss bħal dak ma kienx sinjal sabiħ, meta kien qed jitkellem mal-membri tal-ekwipaġġ tefa’ l-periklu fil-ġenb u serrħilhom rashom li “kważi kull sottomarin li jinżel f’dak it-tip ta’ fond jagħmel xi ħsejjes f’punt jew ieħor”.