Saturday, November 23, 2024

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ jitressaq il-Qorti akkużat bi qtil involontarju

Miegħu jitressqu ħames persuni oħrajn

Aqra wkoll

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca tressaq il-Qorti fejn fost l-oħrajn ġie akkużat bi qtil involontarju ta’ Joseph Ellul ta’ 38 sena. Ellul kien miet fit-Thermal Treatment Facility tal-WasteServ fil-Marsa fl-2022.

Ma’ Bilocca tressqu wkoll impjegati tal-kumpanija Ryan Mark Cachia, Ryan Cauchi u Aylin Fleri kif ukoll l-uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà Stefan Salamone u Silvan Borg.

Hekk kif kien se jibda jinstema l-każ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, il-Qorti ġiet informata li wieħed mill-avukati tal-Avukat Ġenerali li qed imexxu l-Prosekuzzjoni jinsab indispost. Kien għalhekk li s-seduta kellha tiġi deferita għal data aktar tard.

Bilocca u l-ħaddiema l-oħrajn qegħdin jitressqu l-Qorti wara l-inkjesta li saret dwar il-mewt ta’ Ellul allegatament sabet nuqqasijiet fil-miżuri tas-sigurtà, kif ukoll nuqqas ta’ miżuri protettivi fil-lift fejn seħħ l-inċident.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-avukati Ramon Bonett Sladden u Sean G. Borg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Ian Vella.

L-avukat Stephen Tonna Lowell u Stefano Filletti qed jidher għal Bilocca, Fleri, Salamone u Borg filwaqt li l-avukat Michael Sciriha qed jidher għal Ryan Mark Cachia. Min-naħa tiegħu Ryan Cauchi għandu jirraporeżentah lill-avukat Arthur Azzopardi.

L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jirrappreżentaw lill-familja tal-vittma.

Sport