Enrique Tarrio, li huwa l-kap tal-grupp lemini estrem bl-isem ta’ Proud Boys qiegħed jiġi akkużat b’konfoffa sedizjuża wara l-involviment tiegħu fl-attakki fuq il-US Capitol li saru is-sena li għaddiet.
Tarrio huwa wieħed minn ħames membri ta’ dan il-grupp li qed jiġu akkużati li pprovaw jopponu t-trasferiment tal-poter presidenzjali wara li Joe Biden rebaħ l-elezzjoni fuq Donald Trump kmieni s-sena li għaddiet. Dakinhar, attivisti tal-eks President Trump kienu daħlu bil-forza fil-bini tal-Kungress hekk kif dan kien qiegħed jiltaqa’ biex jiċċertifika r-rebħa ta’ Biden.
Din hija t-tieni darba li tressqu akkużi ta’ sedezzjoni b’rabta ma’ dak li seħħ fil-US Capitol. Qabel, kien hemm il-mexxejja ta’ grupp ieħor lemini Estrem magħruf bħala Oath Keepers li wkoll kienu ġew akkużati bl-istess akkuża. L-akkuża ta’ “konfoffa sedizjuża” ġewwa l-Istati Uniti hija waħda antika ħafna tant li hija ġejja minn żmien il-Gwerra Ċivili. Din tista’ twassal għal 20 sena ħabs.