Sunday, December 22, 2024

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jiddiskrivi l-emenda fil-liġi biex issalva l-ħajja tal-omm bħala “liġi kapriċċjuża”

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta kien qiegħed jindirizza l-Parlament fid-dibattitu dwar l-emenda b’għan wieħed biss li ssalva l-ħajja ta’ mara f’periklu ċar li titlef ħajjitha minħabba kumplikazzjonijiet mediċi ddeskriva l-istess emenda bħala waħda kapriċċjuża.

F’diskors ta’ nofsiegħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bis-sensiela tiegħu ta’ negattività u biża’ fejn ipprova jkompli jdaħħal id-dubji li l-Prim Ministru Robert Abela jrid idaħħal l-abort.

Hu akkuża lil Robert Abela li qed jipprova jdaħħal l-abort biex ikompli jirbaħ il-voti u jaf li m’għandux mandat biex idaħħal l-abort f’pajjiżna “għalhekk qed jipprova biex minflok jgħaddi mill-bieb jgħaddi mit-tieqa.” Fid-diskors tiegħu Grech ammetta li hemm persuni li jkollhom tqala ferm diffiċli u anke li l-omm tkun fil-periklu li titlef ħajjitha.

Hu sostna li minn kellu dawn il-problemi li jista’ jgħid minn xiex għadda. Bernard Grech qal li l-ġenituri għandhom jerfgħu r-responsabbilità tal-kura u l-kustodja tal-ulied li jkunu nisslu.

Sostna li hemm diversi liġijiet dwar persuni minuri li jkun hemm qbil dwarhom fil-Parlament, iżda dwar din l-emenda ma hemmx qbil. Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li meta l-ħajja tal-omm tkun mhedda mit-tarbija hemm biss li l-omm għandha tiġi salvata, iżda fl-istess waqt minkejja li dawn l-emendi fil-liġi jitkellmu fuq l-istess linji ta’ ħsieb xorta baqa’ jsostni li l-Oppoziżżjoni se tivvota kontra tagħhom.

Huwa qal li dan il-parlament għandu jagħti rigal lill-poplu f’dan il-Milied biex ikun hemm qbil dwar din l-emenda fil-liġi filwaqt li kompla jattakka lill-Prim Ministru sostna li l-Partit Nazzjonalista mhux se jbiddel il-poziżżjoni tiegħu dwar din l-emenda.

Ekonomija

Sport