Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, f’intervista ammetta l-pass tajjeb li ħa Gvern Laburista meta ħallas lil kull min xtara karozza tal-elettriku, mezz ta’ trasport alternattiv favur l-ambjent. Imma, bħalma jagħmel dejjem f’kull sentenza li qal ħa ħsieb li jikkritika b’kull mod possibbli lill-Gvern preżenti u minflok jirriklama lilu u lill-partit tiegħu biex il-poplu jagħżel lill-PN fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Filwaqt li kompla jwiegħed li l-PN se jindirizza l-bżonnijiet tan-nies, għalih ried li l-Gvern Laburista jagħmel aktar milli jista’ u jagħmel ukoll il-flotta elettrika ta’ karozzi tal-linja. “Għamilhom it-tnejn. Ftit tax-xhur ilu l-Gvern irreklama electrified fleet tal-buses tagħna tal-linja. Din kienet deċiżjoni fit-triq it-tajba għax tkompli tnaqqass it-tniġġiż tal-arja. Kien pass tajjeb li kieku saret imma issa sirna nafu li din mhux se ssir għax il-flus marru għas-sussidju għal min jixtri karozza elettrika. Il-Prim Ministru għamel afffarijiet aktar milli jmissu. Tajjeb li ħallashom lil dawn imma issa m’għandux flus,” insista Grech.
B’dan ir-raġunament, allura, la ammetta li l-Gvern għamel “aktar milli jmissu” u flus kien hemm għal naħa jew oħra, dan ifisser li kieku kien huwa fil-gvern kien jagħżel il-flotta elettrika tal-linja u min fost il-poplu għamel is-sagrifiċċju li jixtri karozza sostenibbli, jibqa’ b’xejn?
Il-Kap tal-PN ammetta wkoll li bħala għażla alternattiva fil-gvern għadu lura. Minn kliemu stess, “il-verità hija li dan il-Partit qegħdin jersqu n-nies lejh biex norganizzaw ruħna aħjar u nippreparaw ħalli nkunu fil-gvern”. Għad iridu jorganizzaw ruħhom
Kien hawn li talab biex in-nies ikomplu jgħinhom fil-ġbir ta’ fondi mtella’ lbieraħ “għax importanti li jkun hemm is-sostenn tal-poplu. Kulma nagħmlu fih l-ispejjeż tiegħu imma fl-aħħar mill-aħħar irridu nkomplu nibnu din ir-relazzjoni ta’ fiduċja… Żgur li l-Partit Nazzjonalista mexa passi ta’ ġgant u dan bis-saħħa ta’ kulħadd. Ta’ kull min b’xi mod jew ieħor qiegħed jagħti l-parti tiegħu inkluż min ta donazzjoni”.