Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed ikompli jgħaddas lilu nnifsu fil-preċipizzju tal-inkonsistenza u n-nuqqas ta’ kredibilità. Dan il-fatt tana prova oħra tiegħu f’dawn il-jiem fil-kontroversja li nqalgħet dwar il-konċessjoni tal-proġett f’Manoel Island.
Ftit tal-jiem ilu biss, Bernard Grech iddikjara li dan il-kuntratt għandu jiġi onorat u rispettat u li Manoel Island jiddawwar f’park nazzjonali hi “ħolma sabiħa”. Nhar l-Erbgħa li għadda iżda, qaleb għalkollox kulma qal meta ħareġ jgħid li l-Partit Nazzjonalista issa se jkun qed jagħmel dak kollu possibbli biex Manoel Island jiġi mibdul f’park nazzjonali.
Ma’ liema naħa hu Bernard Grech, jekk hux mar-rispett lejn il-kuntratt tal-konċessjoni jew favur park nazzjonali għadna ma nafux. Iżda, meta naraw din l-inkonsistenza kollha mhux ta’ b’xejn ikollna naraw li fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, il-popolarita tiegħu bħala politiku u bħala Kap tal-PN qed tkompli tmajna.
Min jaf x’wassal lill-kap tal-PN biex filli jgħid mod u filli jgħid mod ieħor? Issa qed jitlob ukoll lill-Gvern biex jara u jifli sew il-konċessjoni mogħtija fis-sena 2000 u jekk kienx hemm xi ksur tal-kuntratt enfitewtiku. Milli jidher, m’għadux jemmen li l-kuntratt għandu jiġi rispettat u onorat.
F’dan il-każ li issa sar wieħed kontroversjali, minkejja l-ħafna argumenti favur jew kontra, irid jiġi apprezzat u aċċettat li fir-rigward tal-proġett ta’ Manoel Island hemm kuntratt li jorbot legalment u ma jistax jinkiser għaliex inkella tkun qed tinkiser il-liġi. Jekk jiġri dan, inkunu qed noħolqu f’pajjiżna preċedent perikoluż ħafna għaliex kull kuntratt li jsir, hu ta’ liema ġeneru hu, jitlef mill-validità u l-valur legali tiegħu.
Huwa kollu minnu wkoll li hemm petizzjoni ffirmata minn 29,000 persuna li trid li l-konċessjoni tiġi rtirata u minflok l-iżvilupp privat, Manoel Island tinbidel f’park nazzjonali. Min-naħa l-oħra, ma rridux ninsew li hemm madwar 5,000 persuna li investew flushom f’dan il-proġett.
Kien proprju korrett li f’dan il-kuntest, il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jiltaqa’ u jisma’ lil kulħadd, għax hekk huwa dmiru, sabiex minn dan il-proġett joħroġ l-aqwa għal kulħadd.
Aħna nistqarru bla tlaqlieq li dejjem emminna u sħaqna, kif se nibqgħu nagħmlu, li għandna nkomplu niżviluppaw u nħarsu l-ambjent fiżiku u naturali ta’ pajjiżna u dejjem konna favur proġetti li joħolqu spazji ħodor u miftuħa għat-tgawdija tal-Maltin u l-Għawdxin.
Iżda, mingħajr ma nidħlu fil-mertu ta’ x’għandu jew x’ma għandux jsir f’Manoel Island irridu ngħidu u napprezzaw li skont il-konċessjoni, 60% tal-proġett se jkunu dedikati għal spazji ħodor u miftuħa u 20% oħra huma siti storiċi, li l-iżviluppaturi għandhom l-obbligu li jirrestawrawhom bl-ispiża tlaħħaq madwar 150 miljun ewro.
Jiġri x’jiġri minn dan il-proġett, aħna nawguraw, anzi nħossuna konvinti illi d-deċiżjonijiet li se jittieħdu se jkunu maturi biżżejjed li jwasslu biex fl-aħħar mill-aħħar jirbaħ is-sens komun u allura jirbaħ ukoll l-interess nazzjonali.