Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, fil-jum ta’ għeluq snin xorta waħda sab ħin għall-politika partiġġjana li dejjem jaħdem biha fejn f’kull opportunità li kellu f’intervent illum, attakka u kkritika lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Gvern Laburista. Fl-istess ħin, huwa stess ammetta li l-ekonomija ta’ pajjjiżna sejra tajjeb u li d-distakk bejn iż-żewġ partiti reġa’ żdied wara l-elezzjonijiet parlamentari tas-sena l-oħra.
“B’mod ġenerali l-poplu qiegħed jara li l-ekonomija tal-pajjiż miexja ‘l quddiem. In-nies qegħdin iħosu li hawn min sejjer tajjeb ħafna, min mhux ħażin u min qiegħed ibati,” iddikjara Grech. Però, huwa mill-ewwel dar negattiv hekk kif iddevja dan il-fatt b’dak li skont huwa mhuwiex sejjer tajjeb fil-pajjiż fosthom il-ġustizzja, l-ambjent, l-enerġija u t-toroq.
Minkejja l-kritika kontinwa mill-Kap tal-Oppożizzjoni, huwa stess aċċenna għas-survey ippubblikat ilbieraħ fejn irriżulta li d-distakk bejn iż-żewġ partiti ewlenin, li huma l-Gvern Laburista preżenti u l-Partit Nazzjonalista li jmexxi hu, reġa’ żdied favur il-Labour. Hawn Grech spjega li quddiem “ir-realtà tas-survey, il-PN se jkompli jaħdem iżjed. Id-distakk ta’ 25,000 fi żmien sena kiber… Sfortunatameent il-gab bejn il-partiti kiber… M’inix se ninjorah ħalli nkunu nistgħu noffru lill-poplu gvern alternattiv”.
Hawn il-Kap tal-Oppożizzjoni attakka wkoll lil min mhuwiex fil-PN jew fil-PL “biex ikun hawn aktar partiti politiċi. Ir-realtà hija li l-attakki fuq il-PN jgħinu lill-PL”.
L-attakki minn Grech komplew bil-kwistjoni ta’ Manoel Island. Fir-rigward huwa qal li “ma nistgħux ninjoraw dak li jgħidu n-nies u l-petizzjoni. Kien għalhekk li nsistejt li naraw jekk din il-konċessjoni nżammewx jew le l-obbligi tagħha. Ir-realtà ta’ Malta nbidlet minħabba żvilupp qawwi li sar dawn l-aħħar 12 13-il sena fejn naqqas il-kwalità tal-ħajja tan-nies… Manoel Isannd għadu ma nbenix u għadna fiċ-ċans li nagħmlu xi ħaġa”.
Grech għal darb’oħra kkontradixxa lilu nnifsu fejn qal li, “ma jimpurtax li l-Gvern biddel fehtmu u ta kas u tajjeb li ta kas”. Min-naħa tiegħu jrid li l-awditur ġenerali jinvestiga tajjeb il-fatti u jara jekk il-kuntratt inkisirx jew le. “Sal-lum huwa l-Gvern li jista’ jiċċekja u jieħu l-azzjoni għax għandu l-fatti f’idejh. Ikun għaqli li jkun l-awditur ġenerali li jinvestiga u jgħidilna. L-allegazzjoni huma b’saħħithom imma rridu nikkonfermawhom,” ammetta l-Kap tal-PN.
Fl-intervent tiegħu Bernard Grech dar fuq l-investimenti li l-Gvern tal-PN għamel fi żmienu u allega li fi żmien Gvern Laburista ma sarx investiment. Dan meta huwa stess semma’ l-ftuħ tal-Paola Hub, infrastruttura b’investiment ta’ Gvern Laburista. Minflok huwa reġa’ ta t-tort tal-problemi fuq it-“30,000 jew 40,000 barranin li jiġu ta’ kull sena… għalhekk min ifittex is-servizz jew mediċina ma jsibhomx”.
Ma naqasx li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jkompli jwiegħed li ladarba u jekk ikun fil-Gvern, se jkun hemm investiment għall-aqwa mediċini, servizz u infrastruttura fis-settur tas-saħħa.