
Il-kap tal-Pulizija ta’ Mexico City safa ferut, filwaqt li tnejn mill-gwardji tas-sigurtà tiegħu nqatlu f’attentat ta’ qtil drammatiku li huwa qal li twettaq minn wieħed mill-akbar organizzazzjonijiet kriminali tad-droga fil-pajjiż, il-Jalisco New Generation Cartel (CJNG).
Omar Garcia Harchuf intlaqat minn tliet tiri fl-attentat fuq ħajtu, hekk kif flimkien mal-gwardji tas-sigurtża tiegħu safa fil-mira ta’ attakk vjolenti f’żona meqjusa bħala esklussiva tal-belt. L-attakk inqabad minn kameras tas-sigurtà.

Tliet sigħat aktar tard, mis-sodda fl-isptar fejn kien qed jingħata l-kura, Garcia bagħat messaġġ fuq Twitter fejn tefa’ l-ħtija tal-“attakk kodard” fuq CJNG, kartell tad-droga magħruf bħala fost l-aktar vjolenti fil-Messiku.
Mara ta’ 26 sena li kienet f’vettura flimkien ma’ qraba tagħha f’karozza wkoll sfat vittma tal-attakk li seħħ fiż-żona Lomas de Chapultepec.

Ritratt juri l-balel sparati fl-attentat
Il-President Andres Manuel Lopez Obrador u s-Sindku ta’ Mexico City Claudia Sheinbaum qalu li l-attakk juri li l-awtoritajiet qed jagħmlu pressjoni fuq il-gruppi kriminali fil-kapitali, li rarement rat tali attakki vjolenti jseħħu apertament.
Garcia sfra ġrieħi fi spalltu, sidru, u rkopptu.