Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qal li ħelisha minn ħalq il-mewt hekk kif waqt li kien fl-ajruport tal-Yemen, Iżreal wettaq attakk mill-ajru fuq l-istess ajruport.
Tedros Adhanom Ghebreyesus waqt li kien qiegħed jitkellem mal-midja internazzjonali rrakkonta dak li għadda minnu waqt li kien fl-ajruport fejn mill-inqas inqatlu 6 persuni.
Ghebreyesus flimkien ma’ uffiċjali tal-Ġnus Magħquda kienu se jitilqu b’titjira minn Sanaa, belt fil-Punent tal-Yemen wara li marru fil-pajjiż jinnegozjaw il-ħelsien ta’ uffiċjali tal-Ġnus Magħquda kif ukoll jaraw is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż.
Iżreal filwaqt li kkonferma l-attakk fuq l-ajruport qal li ma kienx informat li fil-post kien hemm uffiċjali tal-Ġnus Magħquda u d-Direttur Ġenerali tal-WHO. Qal li dan l-attakk twettaq wara li s-servizz sigriet kellu informazzjoni li fl-ajruport kien hemm miri militari li huma mexxija mir-ribelli Houthi li għandhom l-appoġġ tal-Iran.