Ċerti kollezzjonijiet huma aktar passjoni milli sempliċi passatemp. Għal Dr Albert Ganado, wieħed mill-aktar storiċi rispettati f’pajjiżna ddedika ħajtu jikkollezzjona għadd ta’ affarijiet b’mod partikolari kotba, mapep u pitturi. Bħala l-kapitlu finali għada t-Tnejn 9 ta’ Marzu, se ssir is-seba’ u l-aħħar irkant tal-kollezzjoni ta’ Dr Ganado li tiġbor fiha aktar minn 400 oġġett li kien iżomm fir-residenza tiegħu fil-Belt Valletta.

Din il-kollezzjoni ta’ qiegħda ssir taħt struzzjonijiet li kien ta Dr Ganado stess li ħalla meta kien għadu ħaj. Dwarha u dwar dan l-avukat u kollezzjonist ta’ dak kollu li huwa Malti, kellimna r-raġel tat-tifla, Dr Austin Sammut, li kien ilu jafu iżjed minn 50 sena. Qalilna li, “bħala persuna Dr Albert Ganado kien naturalment bniedem intelliġenti li kien kapaċi ħafna fil-professjoni legali tiegħu u kien anke kollezzjonista ta’ dak kollu li huwa Malti. Kien ukoll bniedem soċjevoli. Jiġifieri mhux biss xogħol. Kien iżomm ruħu aġġornat f’kollox. Kien bniedem ta’ kultura kbira”.
“Kien gwida f’ħafna affarijiet … f’kelma waħda kien bniedem “kolt”

Mistoqsi min kien u xi jfisser għalih personali Dr Ganado, Dr Sammut tbissem. Irrakkonta li, “bħala kunjatu, barra r-relazzjonijiet kontinwi fil-familja li kienet pjuttost magħquda, għalija Ganado kien gwida f’ħafna affarijiet. Dan b’mod speċjali fil-professjoni legali li pprattikajt miegħu”.
Irrakkont kif huwa kien imur għand Dr Ganado għall-pariri. “Naturalment, dejjem kien isib is-soluzzjoni. Qatt ma naf li mort għandu b’xi problema, b’xi kawża jew xi ħaġa li ma jsibx rimedju u soluzzjoni. Dan għax kien ifittex id-dettal u kien jipprepara ruħu ħafna. Fl-opinjoni tiegħi, kien eżempju ta’ kif għandu jkun avukat. Naturlament huwa kien skola antika,” kompla dan il-qarib u kollega. F’kelma waħda lil Ganado huwa jiddeskrivih bħala “kolt”.
Dar mimlija b’memorji sbieħ…
Dwar dan l-irkant lil Sammut qal li, “id-dar għandha ħafna memorji. Per eżenohy f’din is-sala saru ħafna riċevimenti għax kienu jħobbu jilqgħu lin-nies u anke l-kamra tal-ikel… Din hija kamra speċjali li kienet għal qalb ħafna l-mara tiegħu Muriel. Ħafna mill-affarijiet ġabrithom hija fosthom il-palji li fil-kollezzjoni hemm diversi minnhom. F’din id-dar kien hemm ċertu sens ta’ kburija”.

Rigward il-kollezzjoni ta’ Dr Albert Ganado, dan il-qarib stqarr li hija “ħasra li kellha tiġi, sa ċertu punt, maqsuma. Ċerti kollezzjonijiet partikolari għaddew pereżempju fil-Bibjoteka jew l-Arkivji Nazzjonali. Jiġifieri, il-maġġorparti ġew ippreservati. Kieku tista’ żżomm kollox. Uliedu, il-mara u oħtha, żommew l-affarijiet li jixtiequ imma kulħadd għandu d-dar mimlija u din, kif qiegħda tara, id-dar hija kbira”.
Domanda li segwiet, ukoll fuq bażi personali, kienet liema oġġett fl-irkant huwa l-aktar għal qalbu. Hawn Dr Sammut ħares lejn globu kbir antik fil-kamra tal-pranzu fejn spjegalna li, “ilni s-snin b’għajnejja fuqu”.
“Ftakruh bħala bniedem uniku … uniku f’dak li kien jagħmel”
Min-naħa tiegħu Dr Sammut jixtieq li l-poplu Malti jiftakru “bħala bniedem uniku. Fid-dinja hemm nies oħra li huma uniċi u kull bniedem huwa differenti. Però, verament kien bniedem uniku. Nixtieq li jiftakruh bħala bniedem komplet, għal dak li ta lill-pajjiż bħala kultura, ir-riċerka kontinwa li kien jagħmel u l-professjoni legali tiegħu. Bħala bniedem uniku f’dak li kien jagħmel”.

Dr Sammut għalaq billi rrakkontalna storja – dwar ir-riċerka. Qalilna kif Ganado “kien dejjem għaddej. Kien imur Ruma u fil-Bristish Museum ta’ Londra biex jagħmel riċerka u anke hawn dejjem kien għaddej u dejjem ifittex, jikteb u joħroġ artikli fuq gazzetti u magażins. Meta kien għalaq madwar 85 sena jien kont għidtlu inti ktib fuq kollox ħlief fuqek innifsek. Kien dejjem jgħidli li m’għandux ħin u li ma jafx kemm fadallu ħajja. Mur immaġina li kien se jgħix kważi 20 sena oħra”.
B’sodisfazzjon Dr Sammut qal li fl-aħħar kien ipperswadih. “Hawn naħseb kellu mad-90 sena u ppubblikajna bijografija tiegħu. Jien u l-ħabib tiegħi – l-istoriku, kittieb u bijografista wkoll Sergio Grech, irnexxielna nikkonvinċuh. Konna niġu hawn nirrekordjawh fejn b’dak il-mod kien jitkellem flok joqgħod jikteb”. Fil-fatt, fl-2020 kienet ġiet ippubblikata l-bijografija ta’ Dr Albert Ganado intitolata “Ħajja Mhux tas-Soltu”.

Dr Sammut tenna li, “jiġifieri tant kien iffissat li ma riedx jaħli ħin biex jikteb fuqu nnifsu. Meta rnexxielna nagħmlulu l-intervisti u ħriġna din il-bijografija inkludejna tfulitu, il-familja tiegħu, il-professjoni legali, il-politika, in-namra, l-arti, il-mapep u l-lista tal-Premijiet kollha li rebaħ fosthom Ġieħ ir-Repubblika, unuri li kienu jixirqulu. Din irrakkontajtilkom biex nurikom l-impenn tiegħu fir-riċerka biex jagħti l-ħaddieħor u mhux jikteb fuqu nnifsu”.
Ċelebrazzjoni ta’ legat
Dan l-irkant huwa ċelebrazzjoni ta’ legat li ħalla dan l-akkademiku, riċerkatur u kollezzjonista appasjonati. Fil-kontenut tad-dar insibu fost l-oħrajn pitturi inkluż xeni topografiċi, akkwarelli, kollezzjoni kbira ta’ mapep u għamara antika li llum diffiċli tara bħalha, statwi, arloġġi antiki Maltin, arġenterija u bustijiet. Prattikament il-kontenut kollu tad-dar.

Dwaru dan l-irkant uniku ħadna kumment mingħand il-kuratur, Pierre Grech Pillow, li min-naħa tiegħu qalilna li għal dan l-irkant in-nies ilhom juru interess. “Dan għax dan huwa s-seba’ rkant. Diġà kellna sitt irkantijiet li jinkludu l-librerija ta’ kotba li kien ikkolezzjona Dr Ganado. Bil-volum kbir li kien hemm, kellna bilfors naqsmu l-irkantijiet f’iktar minn wieħed. Kull min kien jafu kien jaf fejn joqgħod u x’kellu fid-dar tiegħu u qegħdin naraw li hemm interess partikolari.”
Huwa elabora li f’dan l-aħħar irkant hemm diversi affarijiet tajbin u li jiswew ammont konsiderevoli ta’ flus fosthom xogħlijiet ta’ Girolamo Gianni, arloġġ ta’ Malta “tajjeb ħafna”, kif ukoll diversi kwadri ta’ artisti rinomati li jinkludu ta’ Caruana Dingli.
“Irkant bħal dan ifisser responsabbiltà kbira ħafna għax biex wasalna hawnhekk, ilna għaddejjin perjodu twil. Kien għadu ħaj Dr Albert Ganado għax l-irkant kien taħt l-istruzzjonijiet tiegħu li jsir. Konna niġu hawnhekk biex niġbru l-kotba u kien huwa stess li ggwidana liema lottijiet nieħdu. L-irkant kien immaniġjat minnu personali u kienet ix-xewqa tiegħu li jsir. Qegħdin insegwu l-istruzzjonijiet u x-xewqa tiegħu,” temm il-kuratur Pierre Grech Pillow.

Dan l-irkant huwa opportunità għal kull min jixtieq jixtri oġġett partikolari ta’ valur storiku. Illum il-Ħadd huwa l-aħħar jum li wieħed jista’ jara din il-kollezzjoni fl-indirizz No. 1, Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Belt Valletta bejn l-10.00 ta’ filgħoddu u s-6.00 ta’ filgħaxija.
Mentri, l-irkant innifsu se jsir fuq jumejn. Dan jibda minn għada t-Tnejn 9 ta’ Marzu u jkompli sat-Tlieta 10 ta’ Marzu f’Obelisk Auctions Gallery, Attard mill-4.30 ta’ filgħaxija.

