‘Il-Madonna ta’ Lourdes bl-Anġli u l-Qaddisin’, ta’ Emvin Cremona, ġiet restawrata permezz tal-appoġġ tal-Bank of Valletta.
Dan il-kwadru titulari, iffirmat u datat fl-1968 minn Cremona nnifsu, jinsab fil-Parroċċa ta’ Marija Bambina ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid u huwa magħmul minn disa’ partijiet separati li magħqudin flimkien jiffurmaw pittura mill-isbaħ. Il-pittura ċentrali vertikali, li turi lil Madonna, hija akkumpanjata minn sitt pitturi iżgħar, tlieta fuq kull naħa, li juru l-anġli, u tnejn oħra laterali orizzontali mqiegħda lejn il-qiegħ fuq kull naħa tal-kwadru ċentrali li juru gruppi differenti ta’ figuri. Iż-żjut fuq it-tila kienu mwaħħla fuq l-injam, bil-pitturi t’isfel jitgħawġu ‘l ġewwa biex isegwu l-kontorni tal-knisja.
Il-paletta hija tipika ta’ Cremona peress li jagħmel użu minn kuluri sottili u delikati inkluż weraq tad-deheb li taġixxi bħala sfond għas-sitt anġli. It-tinji tad-drappijiet iżommu l-angularità u l-aċċenti qawwija li huma wkoll karatteristiċi tal-istil pittoresk ta’ Cremona. Anke jekk jiddomina l-lewn kulur d-deheb, l-importanza ewlenija xorta ngħatat lill-pittura ċentrali li tirrappreżenta lill-Madonna minħabba l-pożizzjonament tagħha.
L-Uffiċjal Kap tar-Riskju tal-BOV, Miguel Borg, iltaqa’ mal-Kappillan Dun John Muscat u Pierre Bugeja minn Prevarti, b’dawn tal-aħħar ġew fdati bix-xogħlijiet ta’ restawr, hekk kif il-pitturi reġgħu rritornaw fil-post xieraq tagħhom wara proċess metikoluż ta’ konservazzjoni u restawr.
‘Ir-restawr ta’ dawn ix-xogħlijiet huwa impenn mhux lejn il-passat, iżda lejn il-futur’ saħaq Borg hekk kif kien qed jammira s-sbuħija u l-prestiġju ta’ dawn ix-xogħlijiet. ‘Il-konservazzjoni tal-wirt kulturali għani tagħna tifforma parti integrali mill-istrateġija ESG tal-Bank, bil-għan li tiġi ppreservata l-identità tal-komunità unika tagħna l-Maltin.’
‘Il-pitturi kienu fi stat meħtieġ għal konservazzjoni, madankollu l-akkumulazzjoni ta’ trab u ħmieġ maż-żmien wasslet biex il-pitturi dehru jiskuraw aktar milli kienu oriġinarjament,’ sostna Pierre Bugeja.
Dun Muscat esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-eżitu tal-proġett ta’ restawr u rringrazzja lill-Bank of Valletta tal-appoġġ tiegħu.