L-Eminenza Tiegħu, il-Kardinal Mario Grech, iddikjara li ninsabu “maħkumin minn apatija”, li mhix frott ta’ ħsieb imma frott il-konvenjenza, fis-sens li kkonvinċejna ruħna li jaqblilna nkunu indifferenti quddiem is-sitwazzjonijiet imwiegħra tal-ħajja.
“It-teoloġija tgħid li Marija ma setgħetx tbati għax kienet bla dnub; fil-każ tagħna, iżda, aħna nagħżlu li nkunu apatetiċi,” qal il-Kardinal Grech fl-omelija tiegħu fis-Solennità ta’ Santa Marija fil-Knisja Katidrali fid-Djoċesi t’Għawdex.
Huwa nnota li filwaqt li f’dawn il-jiem qed nisimgħu l-bombi tal-festa, ftit ’il bogħod minna n-nies ilhom xhur sħaħ taħt xita ta’ bombi mitfugħa biex jagħmlu ħerba. Qal li filwaqt li fil-festi aħna nieklu u nixorbu, f’Gaża hemm persuni li qed imutu bil-ġuħ u bil-għatx.
“Għaliex quddiem din it-tbatija atroċi ħafna jibqgħu gallerija? Kif f’dan ix-xenarju tal-gwerer, irnexxielna “nedukaw” il-kuxjenza tagħna biex tibqa’ siekta u ninsew li s-silenzju huwa kompliċità?” kompla jistaqsi l-Kardinal Grech.
Huwa żied jgħid lli s-soċjetà tagħna tant saret ma tittollerax it-tbatija, tant saret ma tafx tgħix mumenti ta’ fraġilità, “li hawn min jidhirlu li l-iqsar triq biex tittratta qagħdiet ta’ mard terminali huwa billi wieħed iħaffef il-proċess tal-mewt”.
Semma wkoll li l-kilba għall-flus qed twassal biex ħafna mill-ambjent tagħna qed jiġi sfruttat; “dak li xi wħud isejħu żvilupp huwa biss pussess irresponsabbli ta’ patrimonju ambjentali li aħna fid-dmir li nikkonservaw anke biex niffrankaw tbatija u ansjetà lill-ġenerazzjonijiet futuri.
“Dan u aktar huwa konsegwenza ta’ kultura apatetika li qed tissawwar fostna u jekk nibqgħu rieqda l-qagħda tkompli sejra għall-agħar,” tenna l-Kardinal Grech. Huwa temm jappella għal qawmien kollettiv biex fi kliemu stess “noħorġu minn sistema li ġabitna aktar individwalisti, passivi u indifferenti quddiem diversi għamliet ta’ tbatija – kultura li rrendietna bħat-tliet xadini tal-istorja: la naraw, la nisimgħu u lanqas nitkellmu!”.