Il-Kardinal Mario Grech jingħata unur mill-Ordni tas-Sepulkru Mqaddes ta’ Ġerusalemm.
Dan ir-rikonoxximent ġie mogħti lilu nhar il-Erbgħa li għadda, mill-Kardinal Fernando Filoni f’ċerimonja li saret ġewwa Palazzo della Rovere qrib il-Pjazza ta’ San Pietru f’Ruma. Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-membri tal-Kunsill Malti tal-Ordni.
L-għada li ngħata dan l-unur, il-Kardinal Grech mexxa quddiesa fil-Kappella Klementina li tinsab fil-kripta tal-Bażilika ta’ San Pietru.
Il-Kavallieri u d-Dami ta’ din l-Ordni jgħoddu għal aktar minn 30,000. Din l-ordni hija rikonoxxuta uffiċjalment mis-Santa Sede.