Sunday, December 22, 2024

Il-Kardinal Ricard jammetti li abbuża minn minorenni

Aqra wkoll

Il-Kardinal Franċiż Jean-Pierre Ricard issemma bħala wieħed minn 11-il isqof jew li kienu jservu ta’ isqfijiet li qed jiġu akkużati bi vjolenza sesswali.

Fi stqarrija, il-Kardinal qal li kien abbuża minn tfajla ta’ 14-il sena meta kien kappillan 35 sena ilu u li issa se jkun qed jirtira mill-funzjonijiet tiegħu.

Sena ilu kienet instabet evidenza ta’ eluf ta’ pedofeli li allegatament kienu ilhom joperaw fil-Knisja Kattolika Franċiża għal għexieren ta’ snin.

Il-11-il akkużat qegħdin jiffaċċjaw jew prosekuzzjoni jew azzjoni dixxiplinarja mill-Knisja. Dawn l-aħħar każi ħarġu fil-beraħ waqt il-konferenza tal-Isqfijiet Franċiżi f’Lourdes.

L-Arċisqof Eric de Moulins-Beaufort qal lill-ġurnalisti li l-11-il persuna kienu jinkludu l-eks Isqof ta’ Créteil, Michel Santier, li rtira s-sena l-oħra wara li kien akkużat li wettaq abbuż sesswali għoxrin sena qabel.

Huwa qara ittra mill-Kardinal Ricard, li qal li kien ġab ruħu b’“mod irriprensibbli” ma’ tfajla ta’ 14-il sena u li l-imġiba tiegħu inevitabbilment ikkawżalha konsegwenzi serji u dejjiema.

Il-Kardinal ta’ 78 sena, li issa huwa rtirat wara 18-il sena jservi bħala isqof ta’ Bordeaux, qal li talab lill-vittma maħfra u skuża ruħu ma’ dawk kollha li setgħu ħassewhom imweġġa’

L-Isqof attwali, Jean-Paul James, esprima s-simpatija tiegħu mal-vittma u tena l-appell tiegħu biex kull min kien sofra abbuż fid-djoċesi jersaq ‘il quddiem u jitkellem.

Il-kap tal-konferenza qal li apparti l-kardinal u Michel Santier, sitt isqfijiet kienu ġew akkużati mill-ġudikatura jew mill-Knisja u li wieħed kien diġà mejjet. Żewġ eks Isqfijiet oħra kienu wkoll qed jiġu investigati filwaqt li ieħor kien ġie rrappurtat lill-prosekuturi.

Fir-rapport tagħha f’Ottubru 2021, kummissjoni indipendenti mwaqqfa mill-Knisja Kattolika fi Franza sabet li madwar 216,000 tifel u tifla kienu ġew abbużati mill-1950 ‘il quddiem, fil-biċċa l-kbira subien ta’ bejn l-10 u t-13-il sena.

Franza hija waħda minn ħafna pajjiżi fejn l-allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali heżżu lill-Knisja Kattolika Rumana. Is-sena l-oħra, il-Papa Franġisku biddel il-liġijiet tal-Knisja biex l-abbuż sesswali, il-grooming tal-minuri għas-sess, il-pussess tal-pornografija tat-tfal u meta jsir xi ħaġa biex ikun moħbi l-abbuż jitqiesu bħala reat kriminali taħt il-liġi tal-Vatikan.

F’messaġġ qabel il-konferenza tal-Isqfijiet f’Lourdes, il-Papa qal li l-Knisja ta’ Franza reġgħet ġiet maħkuma mill-abbużi li saru minn uħud mill-isqfijiet tagħha.

Il-konferenza kellha l-għan li ssib soluzzjonijiet dwar kif tista’ tittejjeb il-komunikazzjoni u t-trasparenza f’każijiet ta’ abbuż li jinvolvu lill-kleru.

Ekonomija

Sport