Sunday, September 8, 2024

Il-Karnival iċċelebrat fl-Esplora bl-avveniment Karta Festa

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, se jkun qiegħed jiftaħ il-bibien tiegħu għal żmien il-Karnival bl-avveniment “Karta Festa”. Id-dettalji dwar dan l-avveniment tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u l-Kap tal-Esplora Olaf Mc Kay.

It-tema magħżula għal din l-edizzjoni ta’ “Karta Festa”, li ser issir bejn l-10 u l-14 ta’ Frar 2024, se tkun proprju l-karta, b’metodi differenti kif wieħed jista’ jkun aktar sostenibbli fl-użu tal-karta billi jirriċiklaha u jerġa’ jagħmel użu mill-ġdid tagħha. Waqt dan l-avveniment, l-Esplora se jkollha numru t’attivitajiet għall-familja kollha fejn dawk preżenti se jkollhom il-possibbiltà li jibnu u jirrestawraw maskeruni, fost attivitajiet oħra relatati mal-Karnival.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti sostna kemm huma importanti avvenimenti bħal dawn li jkomplu jżommu ħaj il-kultura u t-tradizzjonijiet lokali li ilhom jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Sostna li l-Esplora, apparti li se toffri avveniment li jista’ jitgawda mill-familja kollha, se tkun qed tipprovdi aktar informazzjoni dwar miżuri li bihom inħarsu u nippreservaw l-ambjent tagħna.

“L-Esplora toffri spazju interattiv għall-familji fejn fih jistgħu jiġu u jgawdu diversi esibizzjonijiet u attivitajiet li jressquhom aktar viċin tas-suġġetti STEM, f’dan il-każ bl-inklużjoni tal-arti. Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nisħqu wkoll fuq l-importanza li nirriċiklaw l-materjal li ġej mill-karta u nagħmlu użu mill-ġdid tiegħu,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Il-Kap tal-Esplora, Olaf McKay qal li “L-Esplora qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-avveniment vibranti u kkulurit relatat mal-Karnival. L-attivitajiet ippjanati huma mmirati biex jippromwovu suġġetti STEAM fi ħdan il-komunità, filwaqt li nqanqlu l-kreattività tal-viżitaturi u nippromwovu kultura ta’ kurżità xjentifika anke waqt iż-żmien tal-Karnival.”

L-avvenimentKarta Festa se jittella’ bejn l-10 u l-14 ta’ Frar fiċ-Ċentru Interattiv tal-Esplora, il-Kalkara bejn l-10am u l-5pm. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jaċċessa s-sit: Karta Festa – Esplora.

Ekonomija

Sport