Wednesday, November 13, 2024

Il-Karnival ta’ Malta – Storja li ma tintemmx

Aqra wkoll

Il-Karnival ta’ Malta huwa storja li ma tintemmx. Bir-rikkezzi tiegħu u l-emozzjonijiet li joħloq f’ħafna wċuħ, il-Karnival huwa l-ikbar u l-aqwa komponent espressiv tal-kultura Maltija. Fil-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, il-Karnival Malti madankollu jħabbatha sew ma’ dawk li jsiru fi bliet oħra Ewropej.

Dawn ir-riflessjonijiet tal-karnival ta’ Malta huma esposti f’żewġ wirjiet li hemm għaddejjin bħalissa fi Spazju Kreattiv, fil-Belt Valletta.

Waħda mill-wirjiet li hija mtella’ mill-Ministeru tal-Kultura, permezz ta’ Festivals Malta qed issir bil-kollaborazzjoni ta’ diversi kumpaniji u truppi taż-żfin bil-kostum li ħadu sehem fl-edizzjonijiet tal-karnival bejn is-snin 2016 u 2020.

Din il-wirja qed tesebixxi r-rikkezza fil-ġmiel li jpaxxi l-għajn u fil-versatilità tal-kuluri u tal-materjal li minnu saru l-kostumi wżati waqt iż-żifniet tal-karnival. Hija wkoll turija tal-ħiliet li għandhom id-dilettanti Maltin tal-karnival u ta’ dawk kollha li jieħdu sehem fih f’dik li hija innovazzjoni u kreattività.

Wirja oħra li qed tittella’ wkoll bħalissa hija ġabra ta’ ritratti mill-fotografu Ġermaniż Frank Kirchner ukoll dwar il-Karnival ta’ Malta li fihom joħroġ b’mod dettaljat emozzjonijiet li spettatur normali qajla jintebaħ bihom.

Permezz tal-uċuħ li jidhru fir-ritratti fil-forma ta’ ‘portrait’ il-fotografu Kirchner irnexxielu joħroġ fuq kollox il-karatteristiċi kollha, anki dawk ċkejknin, li lkoll flimkien isawru s-sbuħija u l-entużjażmu li huma sinonimi mal-Karnival ta’ Malta.

Ritratti: Alan Saliba

Ekonomija

Sport