Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-ġenituri tiegħi introduċewni lejn il-logħba tal-futbol għall-ewwel darba fil-kategorija Under 4 fin-Nursery ta’ Pietà Hotspurs. Minn dan il-mument bdiet tiżviluppa l-passjoni tiegħi għal dan l-isport, fejn bqajt mal-istess klabb għal perjodu ta’ tnax-il sena. Wara dan, ittrasferejt ruħi lejn il-klabb ta’ Qormi, fejn kelli l-opportunità li nikseb diversi esperjenzi importanti u suċċessi sinifikanti. L-aktar kisbiet sinifikanti għalija personalment kienu r-rebħ tal-kampjonat fil-Minors Section B mingħajr l-ebda telfa, kif ukoll ir-rebħ tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Esperjenza indimentikabbli kienet id-debutt tiegħi fil-Premier Division ma’ Qormi FC fl-età ta’ 17-il sena.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Pembroke Athleta FC.
Din hija l-ewwel esperjenza tiegħi ma’ Pembroke Athleta FC, u mhijiex esperjenza faċli minħabba l-pożizzjoni attwali tagħna fil-klassifika. Madankollu, aħna determinati li nkomplu naħdmu b’dedikazzjoni sħiħa sal-aħħar battalja, u mhux se nċedu qabel tmiem il-kompetizzjoni.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Pembroke Athleta FC sa issa fin-National Amateur League 1?
In-National Amateur League 1 sar kompetizzjoni ferm aktar impenjattiva. Fil-fehma tiegħi, il-livell tela’ konsiderevolment, speċjalment issa li t-timijiet jistgħu jużaw żewġ plejers barranin. Kif diġà ddiskutejna, Cristian, m’aħniex fil-pożizzjoni mixtieqa li antiċipajna fil-bidu tal-istaġun, madankollu nibqgħu impenjati li niġġieldu sal-aħħar u mhux se nċedu sakemm jibqa’ ċans li nsalvaw il-pożizzjoni tagħna fil-kampjonat.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Jeffrey Mifsud?
Meta ltqajt għall-ewwel darba mal-kowċ Jeffrey Mifsud, laqatni mill-ewwel. Tani l-impressjoni li huwa kowċ dedikat ħafna fuq xogħlu u dejjem ipprepartat ghat tahrig u anke ghal loghob. Rigward taħriġ, dejjem ikollna l-grawnd sħiħ għad-dispożizzjoni tagħna, u 45 minuta qabel ma jibda t-taħriġ, il-grawnd ikun diġà armat kompletament biex aħna l-plejers ma naħlux il-ħin. Dejjem hemm lest li jghin il kull individwu u jara li ahna players ninsabu fit ghal loghob li jkun imiss.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragward prinċipali tagħna għal dan l-istaġun huwa li nissalvagwardjaw il-pożizzjoni tagħna fin-National Amateur League 1. Għalkemm din il-missjoni mhijiex se tkun faċli, aħna determinati li nibqgħu magħqudin flimkien sal-aħħar battalja u mhux se nċedu quddiem l-ebda sfida li naffaċċjaw.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’tama kbira. Irrid inkompli nitjieb kuljum u nagħti l-aħjar tiegħi li team. Għandi x-xewqa li nilgħab f’livell ogħla jekk possibbli, imma bħalissa qed niffoka fuq li ntejjeb il-logħba tiegħi u ngħin lit-team tiegħi prezenti jikseb ir-riżultati mixtieqa.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-karriera tal-futbol mhi faċli xejn … trid tkun lest għall-impenn u trid tkun dixxiplinat. Kif semmejt diġà, jien kelli injury serja u kelli nieqaf mill-futbol għal sentejn sħaħ. Ħafna tobba kienu qaluli biex ma nkomplix nilgħab, għall-ġid tiegħi.
Imma grazzi għall-għajnuna u s-sapport tal-fisioterapisti, il-kowċis, u l-ġenituri tiegħi – li qatt ma qatgħuli qalbi – bqajt naħdem u nistinka, bit-tama li xi darba jerġa’ jiġi ċ-ċans li nilgħab il-futbol.
Fil-fatt, hekk ġara. Żewġ staġuni ilu, Rabat Ajax FC kienu tawni ċ-ċans biex nerġa’ nibda l-karriera tiegħi fil-futbol.