Sunday, December 22, 2024

“Il-kartapesta aktar importanti mill-bżonnijiet tal-komunità”

Il-każ ta’ Sanna Marin: min jokkupa kariga politika/pubblika għandu jkun ta’ eżempju - Roberto Debrincat

Aqra wkoll

Il-festa ta’ Santa Marija għaddiet ukoll u għal ħafna minna, il-btajjel tas-Sajf ukoll wasslu fit-tmiem tagħhom. Wara jiem ta’ mistrieħ ‘il bogħod mill-post tax-xogħol, issa li wasalna għal tmiem ix-xahar ta’ Awwissu, kollox reġa’ lura għan-normalità. Iżda filwaqt li il-festa ta’ Santa Marija kienet mezz ta’ tgawdija għal bosta, għal grupp ta’ residenti fl-Imġarr Malta kienet tfisser spiża ta’ €46,000 biex huma jerfgħu l-vara ta’ Santa Marija fil-festa li tittella’ fir-raħal tagħhom.

Fir-raħal tal-Imġarr, kull min jitħajjar li xi darba jerfa’ l-vara ta’ Santa Marija, huwa konxju li biex jagħmel dan irid iħallas ammont sostanzjali ta’ flus. Din it-tradizzjoni tmur lura sa mill-1923, sena wara li din il-vara sabet ruħha fl-Imġarr. Minħabba li f’dik l-epoka kien hemm konkorrenza qawwija fost dawk li wrew ix-xewqa li jerfgħu l-vara, kien ġie deċiż li jsir forma ta’ rkant u min joffri l-akbar ammont ta’ flus, jingħata d-dritt li jerfa’ l-vara fil-festa.

Tradizzjoni b’kuntrast mal-ideoloġija tal-preżent

Filwaqt li nifhem li din hija tradizzjoni li s-sena d-dieħla tagħlaq mitt sena, xtaqt nikkummenta dwar il-fatt li għalkemm il-Knisja Kattolika dejjem ittambar fuq il-fatt li l-flus m’humiex aktar importanti mill-ispiritwalità, bil-mod kif ċerti friegħi tal-Knisja joperaw juru kompletament l-oppost. Għalkemm oġġettivament m’hemm xejn ħażin li ta’ kull sena tittella’ din it-tradizzjoni, nemmen li kemm l-ammont li tħallas matul din is-sena kif ukoll il-kunċett tat-tradizzjoni huwa żbaljat, speċjalment fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom fil-preżent.

Li biex terfa’ vara trid tħallas l-eluf juri sfaċċatament kemm il-Knisja Kattolika hija waħda materjalista u mhux spiritwali. Il-messaġġ li qed jintbagħat b’din it-tradizzjoni huwa li jekk m’għandekx xi troxx, qatt mhu se jkollok l-opportunità li terfa’ din il-vara. Għalkemm nifhem li parti mis-somma mħallsa tingħata għal xi forma ta’ karità, din it-tradizzjoni hija fiha nnfisha diskriminatorja fil-konfront ta’ min m’għandux bażi finanzjarja soda biex ikun jista’ jikkompeti. Ukoll, qed toħloq kompetizzjoni minflok għaqda bejn gruppi ta’ residenti. Għalfejn minflok somma flus, grupp ta’ residenti jiġu magħżula biex jingħataw l-opportunità li jerfgħu l-vara fuq programm ta’ xogħol volontarjat li jipproponu li jwettqu fil-lokal tagħhom? Ninsab ċert li l-volontarjat fih ħafna aktar valur minn somma flus li titħallas minn min jaffordja. Kieku jsir hekk, il-Knisja tkun qed tippromwovi l-importanza tal-volontarjat u tagħti l-opportunità lil kulħadd li jerfa’ l-vara u mhux tillimita skond il-kont bankarju tiegħek! Tassew li aħna poplu tal-kartapesta!

Tiġġudikawx qabel tkunu tafu l-fatti!

U la semmejt il-Knisja u l-flus, ma nistax ma nagħmilx referenza għal każ tal-Kapillan ta’ Marsaxlokk, Fr Luke Seguna, li jinsab akkużat b’misapproprjazzjoni ta’ fondi u ħasil ta’ flus. Malli ħarġet l-aħbar li dan il-membru tal-kleru kien se jitressaq il-Qorti, kienu bosta dawk li kkummentaw pubblikament u ħalfu fuq l-innoċenza tiegħu għax huwa raġel sew. Għalkemm sakemm qed nikteb dan l-artiklu huwa għadu innoċenti (sakemm jitlesta l-proċess ġudizzjarju), xtaqt nesprimi opinjoni personali dwar każijiet ta’ dan it-tip. 

Filwaqt li nifhem li kull min jaf personalment lil Seguna qatt ma ra għajn ħażina fih, ħadd ma jkun fil-kappell tal-persuna biex ikun jaf xinhu għaddej minn wara l-kwinti. Anki Donato Bilancia, li jibqa’ mfakkar bħala l-Mostru ta’ Genoa għax bejn l-1997 u l-1998 qatel xejn anqas minn 17-il persuna, kien meqjus bħala raġel sew. Huma bosta dawk il-kriminali li fil-ħajja ta’ kuljum jipproġettaw lilhom infushom bħala nies twajba, iżda mbagħad ikunu qed iwettqu reati kriminali minn wara dahar kulħadd. 

Ħtieġa ta’ reviżjoni tal-prattiċi

Nerġa’ nisħaq li sal-lum, Fr Seguna għadu innoċenti. Iżda ninsab tal-fehma li jekk dak li qed jiġi allegat jinstab li huwa minnu, dan għandu jibgħat messaġġ qawwi lil Knisja biex din tirrevedi prattiċi li ilhom għaddejjin is-snin. Kulħadd huwa konxju li l-Knisja f’Malta kellha u għad għandha influwenza qawwija, speċjalment fuq dawk l-individwi li għandhom ċertu età. Mhux l-ewwel darba li tisma’ stejjer ta’ individwi li kaġun ta’ bosta fatturi, jispiċċaw iħallu lil Knisja l-ġid kollu li jkunu akkumulaw matul ħajjithom, u saħansitra f’ċerti każijiet l-ulied jibqgħu b’xiber imnieħer għax il-ġenituri tagħhom ikunu bellawilhom li jekk iħallu ġidhom lil Knisja se jirbħu l-Ġenna! 

Il-politiċi għandhom joffru eżempju

Fix-xena internazzjonali, matul din il-ġimgħa spikkat il-kontroversja marbuta mal-Prim Ministru tal-Fillandja, Sanna Marin, wara li fuq l-internet ġie ppubblikat filmat ta’ festin li ġie organizzat fir-residenza privata tagħha. Filwaqt li Marin, li għandha 36 sena, għamlet test biex ikun stabbilit jekk ikkonsmatx xi forma ta’ droga waqt dan il-festin, liema test irriżulta fin-negattiv, fil-jiem ta’ wara spunta ritratt ta’ żewġ influwencers magħrufa li kienu topless waqt l-istess festin. Min-naħa tagħha, Marin iddeplorat dan ir-ritratt. 

Filwaqt li nemmen li kulħadd għandu dritt li jqatta’ l-ħin liberu tiegħu skond il-preferenzi tiegħu, nemmen ukoll li politiċi li jokkupaw karigi daqstant importanti fis-soċjetà għandhom ikunu responsabbli u jaġixxu b’eżempju. Li jkollok Prim Ministru ta’ pajjiż li jidher f’filmat daqs li kieku huwa xurban jew drogat żgur mhux se jibgħat messaġġ denju tal-kariga li jkopri. F’dan il-każ ninsab tal-fehma li Marin uriet biċ-ċar l-immaturità politika tagħha billi ħalliet filmati tagħha f’dak l-istat jiġu ppubblikati fuq l-internet. Nemmen ukoll li din il-kontroversja se tkun il-bidu tat-tmiem tal-karriera politika ta’ Marin, u bla dubju għandha sservi ta’ eżempju għal kull min jirfes l-isfera politika. Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!

Ekonomija

Sport