Il-kartunista Żvediż Lars Vilks, li fl-2007 kien ħoloq kontroversja mondjali meta pitter lill-Profeta Mohammad b’ġisem ta’ kelb, miet f’inċident stradali li seħħ fil-belt ta’ Markaryd.
Vilks, li kellu 75 sena, kien jgħix taħt il-protezzjoni tal-pulizija minħabba l-karikaturi kontroversjali tiegħu. Hu tilef ħajtu meta l-karozza tal-pulizija, li kien qiegħed jivvjaġġa fiha, kienet involuta f’inċident ma’ trakk. Żewġ uffiċjali tal-pulizija wkoll tilfu ħajjithom.
L-uffiċjali tal-pulizija qalu li se tkun qiegħda ssir investigazzjoni biex ikun magħruf x’ġara u x’wassal għal dan l-inċident. Huma qalu li milli jidher s’issa, ma hemm xejn x’juri li kien hemm xi persuni oħrajn wara dan l-inċident.
Minn meta ġew ippubblikanti l-karikaturi, Vilks kien spiċċa jgħix taħt osservazzjoni kontinwa tal-pulizija u dan minħabba t-theddid li kien qiegħed ikollu fuq ħajtu.
Hu mifhum li Vilks kellu prezz fuq ħajtu, u d-dar tiegħu kienet anke ġiet attakkata b’bombi tan-nar.