Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien ma’ Heritage Malta, ħabbar li s-sit tal-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat ingħata ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, u b’hekk sar l-ewwel sit Malti li rċieva dan ir-rikonoxximent.
Dan iċ-ċertifikat jixhed il-kontribut tas-sit biex l-imgħoddi komuni tal-kontinent ikun mifhum aħjar.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Dan ir-rikonoxximent lill-Katakombi ta’ San Pawl mhux biss juri kemm Malta għandha storja profonda u sinifikanti, imma wkoll kemm qed inħarsu ‘l quddiem b’serjetà u responsabbiltà. Meta l-kultura titqies bħala pilastru ta’ innovazzjoni u tkabbir sostenibbli, inkunu qed nibnu futur b’għeruq sodi.”
Glenn Micallef, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, qal, “Dawn is-siti jfakkruna li l-ġejjieni tal-Ewropa għandu l-għeruq tiegħu msejsa fil-passat kondiviż tagħha. Dawn is-siti huma klassijiet ħajjin għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Billi nippreservawhom, niżguraw li l-istorja tal-Ewropa tkompli tispirana, tgħaqqadna u tiggwidana ‘l quddiem.”
Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal li, “Din il-kisba tafferma l-impenn fit-tul tal-aġenzija li tpoġġi l-wirt ta’ Malta fil-kuntest Ewropew usa’ tiegħu. Issaħħaħ ukoll il-parteċipazzjoni kontinwa ta’ Heritage Malta f’inizjattivi bħall-Jiem Ewropej tal-Patrimonju u l-Jum Internazzjonali tal-Mużewijiet, filwaqt li tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-katakombi fir-rotta tal-Camino Maltés u fil-Lista Tentattiva tal-UNESCO ta’ Malta, u tqiegħed is-sit fuq il-mappa kulturali tal-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.”
Bħala inizjattiva ewlenija tal-qafas tal-Kummissjoni Ewropea ‘Creative Europe’, iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew jirrikonoxxi siti li kienu kruċjali fit-tiswir tal-istorja, il-kultura u l-iżvilupp tal-Ewropa. Din is-sena rat l-akbar numru ta’ siti jirċievu dan ir-rikonoxximent sa mill-2014, bi 13-il sit magħżula minn esperti indipendenti għas-sinifikat storiku u l-impenn tagħhom biex jinvolvu u jispiraw liż-żgħażagħ.
F’Marzu tas-sena l-oħra, il-Katakombi ta’ San Pawl kienu ngħażlu minn fost il-proposti li rċeviet il-Kummissjoni minn 15-il pajjiż tal-UE. Is-sit issa kiseb postu fost is-siti li jwasslu elementi ewlenin tal-istorja umana kondiviża tal-Ewropa.
Il-katakombi servew bħala ċimiterju fiż-żminijiet Puniċi, Rumani u Biżantini, u huma l-akbar sit ta’ dfin tal-perjodu klassiku f’Malta.
Il-kumpless jiġbor difniet Lhud, Politeistiċi u Nsara fl-istess ċimiterju, u b’hekk joffri fost l-eqdem evidenza materjali ta’ koeżistenza reliġjuża, diversità u libertà tat-twemmin fl-Ewropa.
Valuri Ewropej oħra rappreżentati fis-sit permezz ta’ simboli, iskrizzjonijiet u karatteristiċi uniċi jinkludu l-ugwaljanza, id-dinjità tal-bniedem, il-kummerċ ħieles u l-għarfien xjentifiku. Is-sit jixhed ukoll il-Kristjanizzazzjoni tal-Ewropa u l-bidu ta’ tradizzjonijiet marbuta ma’ dan.
Bħala parti mill-proċess li wassal għall-għoti taċ-ċertifikat, Heritage Malta ressqet proġett immirat biex jagħmel il-katakombi destinazzjoni storika u edukattiva saħansitra aktar interessanti, u biex iwassal b’mod aktar effettiv is-sinifikat Ewropew tagħhom.
L-inizjattiva tinkludi tibdil fiċ-ċentru tal-viżitaturi, aġġornament tal-ispazji tal-wirjiet, il-ħolqien ta’ padiljun tal-interpretazzjoni u żona ta’ skavar għal attivitajiet immirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ, u t-titjib tal-awdjogwida biż-żieda ta’ aktar għażliet ta’ lingwi Ewropej.
Siti oħra li ngħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew din is-sena jinkludu Provadia-Sonitsa fil-Bulgarija, l-eqdem ċentru tal-produzzjoni tal-melħ u l-ewwel ċentru urban preistoriku fl-Ewropa; il-fdalijiet tat-Tifel ta’ Lapedo fil-Portugall, wieħed mill-oqbra tat-tfal Paleolitiċi rari fl-Ewropa; u l-Armerija Stirjana fl-Awstrija, l-akbar armerija storika ppreservata fid-dinja.

