Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li issa dieħla fir-raba’ sena tagħha, ħalliet marka qerrieda fuq iż-żewġ nazzjonijiet. Din il-gwerra, li għalkemm dehret li bdiet ħabta u sabta, kienet ilha tinġemgħa bil-mod il-mod. Dik li xi wħud bassru li kienet gwerra li ma kellhiex iddum, spiċċat f’katastrofi umana.
Għalkemm l-istatistika tal-imwiet u l-feruti tvarja ħafna, illum hemm qbil ġenerali li l-imwiet u dawk feruti f’din il-gwerra qabżu l-miljun persuna. L-informazzjoni li tinħareġ mir-Russja.u l-Ukrajna dwar l-imwiet u dawk feruti tintlaqa’ b’xettiċiżmu. Stimi minn sori indipendenti jistmaw xejn inqas minn 80,000 suldat inqatlu f’dan il-kunflitt u madwar 400,000 kienu feruti.
Fejn jidġlu ir-Russi naraw li dawn mitulhom mal-200,000 suldat waqt li madwar 400,000 oħra kienu feruti. Ma’ dawn hemm xejn inqas minn 6 miljun Ukren li kellhom jitilqu mill-pajjiż.
Kien kunflitt li sa mill-bidu tiegħu rajna l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jwarrbu u jiżolaw lir-Russja. Rajna l-mod kif għamlu sanzjonijiet u li minnhom batew bil-kbir ċittadini ordinarji Russi. Rajna kif ir-Russja bdiet tiġi litteralment iżolata mill-Punent. Iżolament min kull lat, politiku u anke kulturali.
Mill-banda l-oħra, l-Ukrajna kienet qiegħda tiġi mgħejjuna b’armamenti mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti. Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi membri, ammont għal xejn inqas min $154 biljun f’għajnuna finanzjarja, militari, umanitarja u assistenza għal refuġjati.
Hi kontradizzjoni kbira li din l-Unjoni Ewropea li twaqqfet fuq is-solidarjetà u bil-għan li ma jerġax ikun hemm gwerra fl-Ewropa, tispiċċa, tagħti xejn inqas minn $52 biljun f’għajnuna militari. Għajnuna militari li tvarja minn munizzjon, sistemi għad-difiża mill-arju, tankijiet tal-gwerra u ajruplani tal-gwerra.
Ovvjament l-użu tagħhom, iħalli biss vittmi – suldati tan-naħa opposta u vittmi ċivili. Din l-Unjoni Ewropea mibnija fuq is-solidarjetà għax din hi essenzjali biex l-Istati membri ikollhom il-paċi u s-sigurtà, spiċċat tintervjeni direttament f’dan il-kunflitt, b’armamenti u anke tħarreġ suldati Ukreni u dan biex iżommu l-offensiva Russa.
Tat messaġġi, ħżiena b’mod kontinwu għax għalkemm tat għajnuna lir-refuġjati Ukreni – dik l-għanuna swiet $18-il biljun, ħafna inqas, li hi terz tal-għajnuna finazjarja għat-tagħmir militari.
Minkejja l-katastrofi umana ta’ din il-gwerra, rajna fix-xhur li għaddew li ma kienx hemm rieda biex din il-gwerra tieqaf. Mhux talli hekk talli kien hemm l-interess kollu li l-gwerra titkompla.
L-interess tal-Istati kien dak li ma joħroġ ebda rebbieħ minn dan il-kunflitt. L-Unjoni Ewropea riedet rebħa Ukrena. Il-mod kif ittawwal il-kunflitt ħoloq pressjonijiet finanzjarji fuq il-pajjiżi u anke pressjonijiet miċ-ċittadini.
Proprju fl-aħħar sigħat rajna l-bieb tan-negozjati għall-paċi jerġa’ jitbexxaq. Rajna l-kuntatt li sar bejn il-President Amerikan Donald Trump u Vladimir Putin. Mindu tħabbar dan il-kuntatti bejn iż-żewġ naħat ma naqsux.
Ovvjament wieħed irid jistenna n-negozjati biex jara x’se jkun ir-rizultat. M’hemmx dubju li l-Ukrajna se tkun f’pożizzjoni dgħajfa. Hu fatt li l-Ukrajna setgħet tirrezisti l-invażjoni Russa bl-għajnuna ta’ armamenti mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Nittamaw li d-diskussjoni verament iwasslu għall-paci.