Saturday, November 23, 2024

Il-kawżi li jinstemgħu fil-Qorti mistennija jiżdiedu

Aqra wkoll

 Teżisti possibbiltà kbira li fil-jiem li ġejjin jibdew jiżdiedu n-numru ta’ kawżi li jinstemgħu quddiem il-Qorti. 

Minħabba l-Covid-19 ħafna mix-xogħol ġie sospiż għal data oħra u x-xogħol kien restritt l-aktar għall-preżentati fejn il-Pulizija tressaq persuni taħt arrest. Persuni li kienu qed jitressqu taħt arrest u ma jingħatawx ħelsien mill-arrest kienu qed jinżammu kwarantina fiċ-ċelel tal-Qorti qabel ma ttieħdu l-Ħabs sakemm tibda’ tinstema l-kawża.

Madankollu l-fatt li s-sitwazzjoni tal-imxija tidher li tinsab taħt kontroll qed jagħmilha possibbli wkoll li s-smigħ tal-kawżi jerġa’ jibda jiżdied bil-mod il-mod.

Dan il-ġurnal staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis x’inhi s-sitwazzjoni.

Kelliem għalih ikkonfermalna li huwa jinsab f’taħdidiet mal-Prim Imħallef, mal-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura, mal-Kamra tal-Avukati u mal-Aġenzija tal-Qorti.

Huwa spjegalna kif wara li nhar it-Tnejn infetħu ir-Reġistri tal-Qrati tal-Ġustizzja kollha issa t-taħditiet qed jiffukaw fuq kif jibdew isiru ukoll il-proċedimenti fi ħdan il-Qrati.

Fl-istess waqt għamilha ċara li dan dejjem bil-prewkawzjonijiet kollha meħtieġa taħt id-direzzjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. 

Il-kelliem sostna li dan għandu jseħħ fil-jiem li ġejjin bi prijorità partikolari għall-proċedimenti fil-kamp penali jiġifieri l-kawżi kriminali. 

“Il-Ministru Zammit Lewis jinsab determinat li anke fil-Qrati tagħna terġa’ tirrenja in-normalità, tiżdied l-effiċjenza u ċ-ċittadin ikollu aċċess wiesgħa għall-Qrati tagħna li joperaw b’mod effiċjenti”, żied jgħid il-kelliem.

Sport