Saturday, December 21, 2024

Il-kaxxa s-sewda tal-ajruplan Ċiniż tista’ tagħti ħjiel ta’ x’seta’ wassal għall-inċident traġiku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kompliet il-ħidma biswit l-ajruplan Ċiniż li ġġarraf f’sitwazzjoni li għadha qiegħda tiġi investigata mill-esperti. L-awtoritajiet għadhom iridu jikkonfermaw l-għadd ta’ persuni li tilfu ħajjithom f’dan l-inċident, iżda s’issa ma nstab l-ebda sinjal ta’ ħajja minn fost il-132 persuna li kienu abbord.

L-investigaturi għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom biex jiskopru kif l-ajruplan spiċċa jagħmel l-inżul li għamel hekk kif skont l-informazzjoni li nġabret s’issa dan l-inżul kien wieħed kważi għal kollox vertikali.

L-uffiċjali qegħdin jittamaw li r-records li nstabu fil-kaxxa s-sewda tal-ajruplan jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex jiġi stabbilit x’seta’ kkawża dan l-inżul. Skont l-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-informazzjoni f’din il-kaxxa ġiet salvata minkejja l-kundizzjonijiet li nstabu fiha, iżda konferma ta’ dan mistennija tingħata la ssir l-analiżi f’Beijing.

Fl-aħħar sigħat qraba tal-vittmi komplew jaslu fil-post tal-inċident traġiku b’ħafna minnhom baqgħu ssummati quddiem din ix-xena ta’ tiġrif. Skont rapporti fil-midja barranija, ħafna naqsu milli jikkummentaw, iżda oħrajn irrakkuntaw dwar sigħat twal ta’ vjaġġar bit-tama li jsibu lil qrabathom ħajjin.

Issa li komplew igerbu s-sigħat, qalb tfittxija li xejn ma saret waħda faċli minħabba l-maltemp li għamel fiż-żona fejn iġġarraf l-ajruplan, il-verżjoni tagħhom inbidlet li se jistennew l-awtoritajiet biex jagħtuhom l-approvazzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu magħhom l-irmied tal-vittmi.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-aħħar sigħat, uffiċjali tal-avjazzjoni ddikjaraw li ma kien hemm l-ebda twissija ta’ problemi ta’ viżibbiltà matul il-vjaġġ. Uffiċjali oħra qalu li l-ajruplan li għandu inqas minn seba’ snin, kien ukoll għadda mit-testijiet kollha qabel beda l-vjaġġ. Rappreżentant għal-linja tal-ajru kkonferma li abbord kien hemm tliet piloti; il-kaptan b’esperjenza ta’ 6,709 sigħat fi vjaġġi fl-ajru, u t-tieni u t-tielet uffiċjal li kellhom 31,769 siegħa u 556 siegħa esperjenza rispettivament.

Skont l-informazzjoni miġbura mill-moniteraġġ tal-vjaġġ, l-ajruplan għamel inżul ta’ eluf ta’ metri fi ftit minuti.

Ekonomija

Sport