Saturday, November 23, 2024

Il-każ Meredith Kercher: Il-qattiel ta’ studenta universtarja jinħeles mill-ħabs biex ikompli jiskonta s-sentenza fil-komunità

Aqra wkoll

Raġel li nstab ħati li qatel lill-istudenta universitarja mill-Ingilterra Meredith Kercher inħeles mill-ħabs hekk kif se jkompli jiskonta s-sentenza jagħmel servizzi fil-komunità.

Rudy Guede, ta’ 33 sena, kien instab ħati fl-2008 għall-qtil ta’ Kercher, ta’ 21 sena, f’Perugia l-Italja, f’każ li kien ixxokkja lid-dinja.

Guede inħeles riċentement mill-ħabs u se jkun qed ikompli l-kumplament tas-16-il sena priġunerija jagħmel servizzi ta’ karità fil-komunità fil-belt Taljana ta’ Viterbo.

Il-każ ta’ Kercher kien ġibed l-attenzjoni tal-midja dinjija, minħabba l-intriċċi li kien hemm fis-seħħ mas-sieħba li magħha kienet taqsam l-appartament, Amanda Knox li llum għandha 33 sena.

Knox, flimkien mal-eks-maħbub tagħha Raffaele Sollecito, ta’ 36 sena, kienu nstabu ħatja bil-qtil ta’ Kercher fl-2009,d qabel ma nħelsu u reġgħu nstabu ħatja. Huma eventwalment ingħataw il-libertà fl-2015.

Imwieled fil-Kosta tal-Ivorju u mrobbi fl-Italja mindu kellu età żgħira, Guede kien l-uniku persuna li fl-aħħar mill-aħħar instab ħati tal-qtil ta’ Kercher. Dan minkejja li l-ogħla qorti tal-appelli fl-Italja fl-2015 kienet ikkonkludiet li ma kienx aġixxa waħdu.

Is-sentenza ta’ 16-il sena priġunerija, li huwa kien qed iservi f’ħabs f’Viterbo, se tkun skontata f’Marzu tal-2022.

Kercher, minn Surrey l-Ingilterra, inqatlet xahrejn biss wara li kienet marret l-Italja fuq programm ta’ studju fl-università prestiġjuża ta’ Perugia.

Il-katavru tagħha nstab parzjalment imneżża’ mal-art fil-kamra tas-sodda tagħha wara li Knox qalet li kienet rat demm u tieqa mkissra fl-appartament.

Il-marki tas-swaba’ ta’ Guede instabu fuq ix-xena tad-delitt. Huwa kien ammetta li kien mar fl-appartament madankollu dejjem ċaħad li kien qatel lit-tfajla jew li attakkaha sesswalment.

Sport