Saturday, October 26, 2024

Il-każ Miriam Pace: Il-Qorti għal darb’oħra ma tippermettix li jitkomplew ix-xogħlijiet u li jiċċaqlaq makkinarju

Aqra wkoll

Il-Qorti qalet li mhix se tippermetti li xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jitkomplew jew li jitħalla jiċċaqlaq makkinarju mis-sit fejn iġġarrfet residenza fil-Ħamrun aktar kmieni din is-sena, f’liema inċident kienet mietet Miriam Pace.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li filwaqt li trakk jista’ jiġi msewwi, wieħed ma jistax iġib lura l-ħajja ta’ persuna, hekk kif esprima l-pożizzjoni tiegħu dwar żewġ applikazzjonijiet mill-avukati għad-difiża li qed jirrappreżentaw lil erba’ persuni li attwalment jinsabu akkużati bil-qtil involontarju ta’ Pace.

L-erba’ rġiel akkużati huma Roderick Camilleri ta’ 36 sena, li huwa l-perit tal-proġett; Anthony Mangion ta’ 72 sena, li huwa eks-perit u li kien qed iservi bħala s-site technical officer tal-proġett; Ludwig Dimech ta’ 36 sena li kien qed jagħmel xogħol ta’ skavar; u Nicholas Spiteri ta’ 42 sena li huwa ħaddiem tal-kostruzzjoni.

Pace, li kellha 52 sena u omm ta’ żewġt itfal, mietet nhar it-2 ta’ Marzu wara li nqabdet fost it-tiġrif tad-dar tagħha fi Triq Abela Scolaro, biswit is-sit tal-kostruzzjoni.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużati talbu l-awtorizzazzjoni tal-qorti biex jitneħħa l-makkinarju mis-sit tal-kostruzzjoni u biex jitkomplew ix-xogħlijiet.

Il-Maġistrat Mifsud qal li kien esprima l-pożizzjoni tiegħu dwar it-talbiet tad-difiża diversi drabi. Filwaqt li qal li ma kienx se jilqa’ t-talbiet tad-difiża, huwa żied jgħid li l-makkinarju tal-ekavazzjoni kien ċentrali għall-każ.

Il-każ se jitkompla f’Jannar.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Robert Vella u mill-Ispettur Matthew Galea. L-avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto, Lucio Sciriha u Franco Galea qed jassistu lil Dimech. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jassistu lil Spiteri. L-avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jassistu lil Camilleri u Mangion. L-avukati Joe giglio u David Bonello qed jidhru parte civile.

Sport