Il-Qorti tal-Appell ordnat li l-kawża ta’ Daniel-Joe Meli terġa’ tinstema’ mill-ġdid.
Meli ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar qed ikun imfittex mill-awtoritajiet Amerikani b’rabta ma’ investigazzjoni fuq allegat reati fuq l-internet.
F’Mejju li għadda, il-Qorti tal-Maġistrati kienet ċaħdet it-talba għall-estradizzjoni tiegħu, bl-Uffiċċju tal-AĠ jappella u talab li s-sentenza titħassar u Meli jerġa’ jiġi arrestat.
L-appell ġie milqugħ mill-Imħallef Giovanni Grixti li stqarr li l-Qorti tal-Maġistrati ma kinitx korretta meta ma kkunsidratx id-dokumenti kollha mressqa mill-Prosekuzzjoni.
Kien għal din ir-raġuni li ħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u ordnat li l-każ jerġa’ jinstema’ mill-ġdid filwaqt li Meli jibqa’ taħt ħelsien mill-arrest.